Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi mexxa proġett ta’ rinovar fuq id-Domus ta’ Ħad-Dingli. Binja ta’ madwar mitt sena li tul is-snin kellha rwol differenti beix tgħaqqad lill-komunità.
Waqt żjara tal-Minsitru għall-Infrastruttura Ian Borg intqal li dan il-proġett hu xhieda oħra li l-Gvern għandu qal qalbu l-wirt storiku tal-pajjiż, u jirrikonoxxi kif spazji komunitarji jaffettaw il-ħajja tar-residenti b’mod dirett. Ix-xogħlijiet kienu jinkludu tiswijiet tas-soqfa u l-ħitan, pavimentar ġdid kemm ta’ ġewwa kif ukoll ta’ barra u sistema ġdida ta’ dawl, fost oħrajn.
L-Arċipriet, Mark Mallia Pawley stqarr: “Din hija binja ta’ mitt sena bejn wieħed u ieħor. L-istorja tagħha hija vasta. Tant għaqdiet u gruppi ltaqgħu u serviet ta’ Victory Kitchen fit-Tieni Gwerra Dinjija. Serviet ta’ dormitorju għar-refuġjati u issa bl-inevestimenti li saru stajna noħorġu l-karateristiċi u napprezzaw aktar din il-binja.”
Il-Ministru Ian Borg qal li l-Gvern qed jara li jitwettqu bosta proġetti ta’ dan it-tip anke mill-Aġenzija Infrastruttura Malta, biex spazji bħal dawn jingħataw lura lill-komunitajiet rispettivi tagħhom fl-aqwa kundizzjonijiet possibbli.
Huwa sostna: “Saru diversi xogħlijiet biex il-post ġie kkonservat fil-glorja mill-isbaħ tiegħu u se jkollu skop ukoll kif jgħin il-Knisja u l-komunità ta’ Ħad-Dingli.”