Il-klabb tal-atletika u t-triathlon f’Pembroke kellu l-art ta’ fejn hemm il-faċilità trasferita għalih bi ftehim ma’ SportMalta.
Dan bil-għan li l-klabb ikompli jinvesti u jkattar il-ġid minn fuq din l-art fejn ikunu mgħallma d-dixxiplini sportivi.
L-iffirmar sar fil-preżenza taċ-Chairman ta’ SportMalta u s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-isport, ir-rikreazzjoni u l-għaqdiet volontarji flimkien ma’ delegazzjoni mill-istess klabb.
Il-President ta’ Pembroke Athleta Athletics and Triathlon, Victor Camilleri, laqa’ dan it-trasferiment hekk kif din hija turija ta’ fiduċja lejn il-klabb dwar id-dixxiplini tagħhom.
Qal, “Dan huwa investiment tajjeb għalina għax issa għandna fejn inkunu aħna ukoll b’mod uffiċjali. Għalina huwa l-post fejn in-nursey tagħna tibda minn hawnhekk u ntuhom opportunitajiet fl-isport, speċjalment fl-atletika, fit-triathlon u anki fil-ġinnastika ’l quddiem ukoll.”
Minn naħa ta’ SportMalta, iċ-Chairman Luciano Busuttil saħaq kif il-fiduċja fl-isport tkabbarha billi tkabbar il-ħidma u l-fiduċja mal-klabbs, assoċjazzjonijiet u l-atleti nfushom.
Spjega, “Għal darb oħra SportMalta qed tagħti art lil klabb sportiv. Dan huwa turija ċara ta’ kemm il-Gvern u kemm SportMalta temmen fil-klabbs lokali peress illi permezz ta’ dawn it-tip ta’ ftehimiet li nagħtuhom it-tieni l-akbar riżorsa li għanda fil-pajjiż, wara dik umana, qed nagħtuhom l-art. L-art biex jiżviluppawha, biex ikomplu jikbru bħala klabbs, l-art biex ikomplu jattiraw ħafna aktar tfal u żgħażagħ lejn l-isport biex għada pitgħada nkunu nistgħu intejbu aktar ir-riżultati li qegħdin inġibu.”
Filwaqt li awgura lil klabb għal aktar suċċess, is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima sostna li l-Gvern irid ikomplu jaħdem u jrawwem kultura sportiva anki minn etajiet żgħar.
Qal, “Bħala parti mill-politika tal-Gvern qegħdin propju naħdmu sabiex nassiguraw illi nagħtu l-għodda lil klabbs u għaqdiet sportivi sabiex dawn ikunu jistgħu joperaw. Joperaw anki b’mod sostenibbli b’tali mod u manjiera li jistgħu jagħmlu investiment fl-atleti tagħhom u allura fiż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin. Illum ninsabu ġewwa Pembroke għand il-Pembroke Athleta Athletics and Triathlon illi propju huma isem sinonimu mad-dixxiplini sportivi tagħhom u illum tajniehom it-titlu biex ikomplu jistgħu jikbru u jinvestu sabiex naraw il-livell tal-isport ġewwa pajjiżna ikompli jagħmel qabża ‘il quddiem.”