Tittajjar l-ewwel bużżieqa spazjali li ser tasal fl-atmosfera ta’ Malta mis-sit tal-Esplora fil-Kalkara.
Il-missjoni li ġġib l-isem ta’ Stratos 1 hija kollaborazzjoni bejn l-Università ta’ Malta, il-festival ‘Science in the City’, is-Soċjetà Astronomika Maltija u l-Ministeru għall-Innovazzjoni li għen fl-iffinanzjar ta’ dan il-proġett.
Il-bużżieqa spazjali hi mimlija bil-‘helium’, mistennija togħla ‘l fuq minn sebgħa u tletin kilometru ‘l fuq mill-livell tal-art u hi mgħammra b’ammont ta’ kameras bil-għan li jinġibdu immaġini ta’ pajjiżna mill-atmosfera fejn din mistennija li tasal.
Minħabba l-kobor tagħha kellu jsir koordinament mal-Ajruport Internazzjonali Malti biex din setgħet titajjar b’sigurtà.
Il-Professur Kristian Zarb Adami, id-Direttur tal-Istitut tax-Xjenza Spazjali u l-Astronomija fl-Università ta’ Malta spjega kif aktar tard ser tkun qed tiġi miġbura permezz ta’ operazzjoni mal-Forzi Armati ta’ Malta kif mistennija tasal lura minn fuq il-baħar.
Preżenti għall-avveniment kien hemm il-Ministru għall-Innovazzjoni, Owen Bonnici fejn sostna kif is-settur spazjali fih medda t’opportunitajiet għall-istudji fuq livell nazzjonali.
Il-Ministru Bonnici ddeskriva dan l-avveniment bħala tal-ewwel permezz l-benefiċċji xjentifiċi li din qed iġġib magħha. Barra minn hekk, b’mod simboliku din qed tfisser li pajjiżna qiegħed jara l-ispazju bħala opportunità edukattiva u ekonomika għal pajjiżna.