Traditur u irrelevanti.
Kienu dawn uħud mill-aġġettivi tal-eks Chief of Staff ta’ Austin Gatt, Manuel Delia fil-konfront ta’ Adrian Delia.
Dan b’reazzjoni għall-aħħar ġlied bejn iż-żewġ fazzjonijiet fil-Partit Nazzjonalista wara li ġie allegat li Adrian Delia kien f’kuntatt ma’ Yorgen Fenech, fl-istess żmien li kien qed isir dibattitu parlamentari dwar il-kumpanija 17 Black.
Fi blogg, imsemmi the 9th chasm, referenza għad-disa’ u l-aktar ċirku fond fl-Infern ta’ Dante Alighieri miżmum għat-tradituri, l-esponent ewlieni tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil fetħilha bil-qawwi kontra l-eks Kap Adrian Delia.
Dan għall-kummenti li ta ma’ ONE News ftit wara li fetaħ libell kontra s-sit Lovin Malta, fejn ċaħad dan il-gideb b’intenzjoni.
“Mhux se naċċetta li jibqa’ jixxerred gideb b’intenzjoni ngħid jien għax la jagħmel ġid lil min ikun qed ixerred il-gideb u lanqas ikun qed jikkrea kultura f’Malta ta’ tiftix tal-verità,” kien qal Adrian Delia.
Mhux Adrian Delia biss weħel ma’ Manuel Delia.
Il-kandidat tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg li ħareġ jattakka lill-għaqda Repubblika wkoll laqqatha mingħand il-kanun ewlieni tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil.
Fil-fatt Manuel Delia rrefera għall-attakk ta’ Borg fuq l-għaqda Repubblika. Kien hemm li rrefera b’differenza għal deputati bħal David Thake u Jason Azzopardi hekk kif kompla ma’ dak li qal Robert Aquilina.
“These MPs are not fascists. They’re anything but,” tenna Manuel Delia hekk kif sostna li l-Partit Nazzjonalista għadu qed jagħmilha tan-newtrali minflok jagħżel naħa bejn il-faxxisti u l-anti faxxisti fi ħdanu.
Huwa jtemm l-artiklu tiegħu b’attakk tal-aħħar fil-konfront tal-eks kap u s-segwaċi tiegħu.
Jagħlaq jgħidilhom żerriegħa tal-mibegħda.