Permezz ta’ investiment ta’ tliet miljun u sitt mitt elf ewro, f’pajjiżna se jkunu qed jonqsu l-emissjonijiet minn makkinarji u inġenji tal-kostruzzjoni.
Dan hekk kif disgħa u sittin persuna jew kumpanija se jgawdu mill-iskema tal-Malta Enterprise sabiex dawn jaqilbu l-makkinarji tagħhom għal dawk li jniġġsu anqas jew li jaħdmu permezz ta’ hybrid jew totalment bl-elettriku.
Il-Ministru għall-Intrapriża u l-Iżvilupp sostenibbli qalet kif din l-iskema se twassal għal tnaqqis sostanzjali ta’ tunnellati tad-dijossidju tal-karbonju.
Qalet, “Se nnaqqsu l-emissjonijiet minn dan it-tip ta’ makkinarju u vetturi b’51% u jekk qabel il-makkinarju l-antik kien qed iwassal biex ikollna mas-7000 tunnelata ta’ CO2, permezz ta’ din il-bidla dawk it-tunnelati ta’ CO2 ser jinżlu għal 3400. Dan hu l-mod konkret biex ngħinu lil din l-industrija li mistenni jħalli effett pożittiv u benefiċċju fuq iċ-ċittadini tagħna.”
Din l-iskema timxi b’konformità mal-ħidma tal-Gvern favur industriji aktar ħodor u anke sabiex jilħaq diversi miri ambjentali.
Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia saħaq x’inhi t-triq ‘il quddiem.
Spjega, “Dan juri li t-triq ‘il quddiem hija li l-investiment li jsir irid isir lejn makkinarju lejn attività li tkun sostenibbli u dik hija anke d-direzzjoni li qed nieħdu bħala Malta Enterprise illi anke fl-inċentivi li nkunu qed inħabbru u namministraw naraw li l-industriji jkunu sostenibbli kemm abjentalment kif ukoll ekonomikament.”
Għal din l-iskema daħlu erbgħa u disgħin applilkazzjoni iżda wħud minnhom ma ġewx aċċettati minħabba affarijiet tekniċi.