Il-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund għamlet surplus matul is-sena 2020.
Is-surplus kien ta’ iktar minn nofs miljun ewro fuq is-sena ta’ qabel u laħħaq aktar minn miljun u tliet mitt elf ewro.
Waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Fondazzjoni ngħata rendikont tal-ispejjeż u d-dħul li għamlet il-Fondazzjoni matul is-sena.
Apparti l-avveniment annwali tal-Istrina u attivitajiet simili, il-Fondazzjoni rċeviet €319,759 f’donazzjonijiet.
Dan filwaqt li ngħataw €11,317,319 fi spejjeż ta’ tmien mediċini tal-kimoterpaija lura mingħand il-Gvern Malti.
Mis-2019, id-donazzjonijiet naqsu bi kważi miljun ewro.
Bejn Jannar u Diċembru tal-2020, il-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund tat €13,986,505 f’tagħmir speċjalizzat u mediku.
Dan filwaqt li €211,703 ġew iddedikati fi vjaġġar barra minn Malta għal trattament mediku.
Fir-rapport annwali ġie spjegat li ġew aċċettati 112-il applikazzjoni, inxtraw 50 biljett tal-ajru u ġew iffinanzjati 660 lejl f’akkomodazzjoni barra minn Malta.
Intqal ukoll li ngħataw 40 tip differenti ta’ kimoterapija u ġew imqassma 68 parrokka.
Iċ-Chairperson tal-Bord tal-Amministraturi, Marlene Mizzi rrimarkat li l-Malta Community Chest Fund mhux biss tagħti għajnuna finanzjarja iżda toffri appoġġ ħolistiku bil-għan li jkunu jistgħu jinxterdu stejjer ta’ suċċess.
Hi spjegat li l-Fondazzjoni tonfoq €1,200,000 fix-xahar f’għajnuna lill-pazjenti u €120,000 fis-sena għal kull pazjent.
Min-naħa tiegħu, il-President ta’ Malta George Vella appella għas-sensittività tal-poplu lejn il-Community Chest Fund.
Dan għaliex kawża tal-pandemija, il-Fondazzjoni sabet ruħha f’sitwazzjoni diffiċli.
Il-President spjega li l-pubbliku jinduna bl-importanza ta’ din il-fondazzjoni propju meta jiġi bżonn.
Hu qal li d-donazzjonijiet naqsu minħabba l-pandemija iżda l-ispejjeż baqgħu preżenti.