Għall-ewwel darba, presepju Malti se jkun dak ewlieni fil-Vatikan. Kull sena tpoġġa presepju li jkun magħmul minn xi reġjun Taljan differenti, iżda din is-sena presepju magħmul propju f’pajjiżna se jkun eżebit fi Pjazza San Pietru matul l-ewwel ġimgħa ta’ Diċembru sat-8 ta’Jannar. L-orkestra nazzjonali ta’ Malta se tkun ukoll qed itella kunċert fil-vatikan fis-17 ta’ Diċembru.
Dan il-presepju se jkun qed jiġi eżebit fil-vatikan propju fl-ewwel ġimgħa ta’ Diċembru hekk kif jissoktaw il-preparazzjonijiet tal-Milied. Il-moħħ wara dan il-proġett kien Frank Zammit li sar diversi drabi l-vatikan b’kollaborazzjoni mal-Gvern Malti.
L-artist li ħadem dan il-presepju kien Manuel Grech li fi kliemu stqarr is-sodisfazzjoni tiegħu li l-arti tiegħu se jkun apprezzat fil-Vatikan.
Iċ-chairman eżekuttiv tal-orkestra Nazzjonali Sigmund Mifsud fisser li jinsab onorat li l-orkestra nazzjonali se jkollha ċ-ċans li tagħmel dan il-kunċert ma’ wieħed mill-aqwa korijiet fid-dinja, Coro dell’ Accademia di Santa Cecilia, u li se jkollhom okkażżjoni oħra fejn juru l-ħiliet mużikali tagħhom.
Min-naħa tiegħu s-surmast tal-orkestra nazzjonali, Brian Schembri, qal li fost il-mużika li nkitbet, dawn se jkunu l-aktar siltiet mużikali monumentali li qatt inkitbu. F’dan il-kunċert wieħed se jkun jista’ jgawdi minn xogħlijiet ta’ Beethoven u kompożituri magħrufa oħra.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet l-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici spjega li b’investiment ta’ 480,000 se jkun iċċelebrat it-talent tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta barra minn xtutna, flimkien mal-presepju tal-Għawdxi Manwel Grech. Il-pubbliku jista’ jattendi mingħajr ħlas, bl-għan li l-arti tkun aċċessibbli għal kulħadd, irispettivament mir-riżorsi.
Il-Ministru spjega li l-presepju ntagħżel wara li d-Direttorat tal-Kultura f’kollaborazzjoni ma’ Heritage Malta ppubblika sejħa għad-disinn u l-bini ta’ presepju artistiku. Is-sejħa speċifikat li l-istruttura tal-presepju kellha tieħu inkonsiderazzjoni fatturi kulturali u karatteristiċi partikulari tal-pajsaġġ Malti, inkluż l-arkitettura, l-flora u l-fauna kif ukoll figuri tradizzjonali tal-presepju.
Ritratt: JJP ZAMMIT