Il-Gvern ħabbar ftehim flimkien mal-Caritas b’investiment ta’ €3 miljun fuq tliet snin sabiex ikun qed jiffinanzja l-operat taċ-Ċentru tal-Ibwar fis-Siġġiewi, immexxi mill-Caritas.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet l-Erbgħa waranofsinhar ġewwa l-istess Ċentru tal-Ibwar li jilqa’ fi ħdanu adoloxxenti sabiex jiġu rijabilitati mill-vizzju tad-droga.
Ċentru li nbena wkoll b’investiment ta’ €4 miljun mill-Gvern sabiex joffri l-aqwa programm ta’ rijabilitazzjoni. Fil-fatt, dan iċ-ċentru jinkludi b’kollox 14-il sodda, filwaqt li jiġu offruti programmi ta’ matul il-jum għal massimu t’għaxar adolexxenti li mhux bilfors iridu jorqdu fir-residenza.
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru, Mark Musù qal li dan it-tip ta’ ftehim se jkompli jsaħħaħ ir-rabta eċċellenti tal-Gvern mal-Caritas.
Musù saħaq li dan il-ftehim huwa wieħed minn ħafna li mhumiex sempliċiment donazzjonijiet iżda l-qofol tal-ħidma tal-Ministeru fil-qasam soċjali.
Huwa qal, “Fil-fatt bħala Ministeru għandna 33 ftehim bħal dan ma’ 25 għaqda volontarja differenti li b’kollox allura dan ifisser investiment soċjali ta’ aktar minn €10 miljun fis-sena u meta qed insemmi dan l-ammonti qed neskludi l-ftehimiet, madwar 13 oħra li jkopru s-settur tad-diżabilità. Ovvjament minħabba li dan is-settur issa huw taħt ministeru ieħor hemmhekk hemm 13-il ftehim ieħor u hemm investiment soċjali ta’ aktar minn €8 miljun oħra.”
Id-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan il-ftehim.
Huwa sostna l-importanza ta’ dan iċ-ċentru għaż-żgħażagħ li jmissu mal-problemi tad-droga. Tenna wkoll il-flessibiltà li joffri fosthom fil-qasam edukattiv.
Dan hekk dawk iż-żgħażagħ li jkunu qed jagħmlu l-programm jistgħu jattendu wkoll għall-korsijiet akkredidati sabiex ma jitilfux żmien mill-vjaġġ edukattiv tagħhom.
Gatt stqarr: “Ovvjament ikollhom l-għodod biex ikomplu jistudjaw. Jekk iridu jkomplu l-MCAST pereżempju għandhom accreditation ta’ courses li marru l-MCAST u komplew mexjin mhux reġgħu bdew from scratch.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali Alfred Grixti tenna kif studju tal-ESPAD wera kif żgħażagħ Maltin ta’ 16-il sena naqsu l-użu tal-alkoħol, tas-sigaretti, l-ħaxixa, l-ecstasy u l-kokaina bejn l-2015 u l-2019 fost oħrajn.
Madankollu tenna li l-ħidma ma tista’ tieqaf qatt.
Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon sostna li dan l-investiment ikompli jikkonferma kemm dan il-Gvern jimpurtah minn soċjetà inklussiva.
Tenna wkoll li għad fadal x’isir sabiex kemm jista’ jkun jonqos in-numru ta’ żgħażagħ li jiġu bżonn dawn it-tip ta’ programmi.
Il-Ministru Falzon sostna: “Inħarsu ’l quddiem li nagħmlu proġetti oħra u jimpurtanti anke minn dawk il-ftit għax dik hija meta inti temmen fin-nies, tkun għan-nies u tinvesti fin-nies u kull wieħed u waħda minnha għandu jkollu dak il-maxim.”