Matul il-ħmistax-il xahar tal-pandemija, in-numru ta’ rapporti ta’ vjolenza domestika żdiedu.
Biex tilqa’ għal din il-pjaga soċjali, Victim Support Unit Malta, li tassisti lill-vittmi ta’ serq, cybercrime, attakki sesswali, fastidji, attakki fiżiċi u reati ta’ mibegħda u vjolenza domestika, żiedet is-servizzi offruti lill-vitmi.
Fost id-diversi inizjattivi li ttieħdu f’dan ir-rigward, din l-għaqda qed tniedi programm biex iħarreġ lill-vittmi tal-vjolenza domestika biex jerġgħu jibnu ħajjithom mill-ġdid.
Id-Direttriċi tal-Victim Support Unit Malta, Jessica Calleja Millo spjegat li dan il-programm iħarreġ lil persuni li batew jew ibatu minn vjolenza domestika biex jerġgħu jibnu ħajjithom mill-ġdid.
Il-programm jgħin ukoll vittmi ta’ vjolenza domestika jagħrfu l-ewwel sinjali ta’ vjolenza fuqhom.
Id-Direttriċi ta’ Victim Support Malta, Jessica Calleja Millo fissritilna: “Dan il-kors ta’ taħriġ lill-persuni li għaddew mill-passat u fil-preżentazzjoni mill-vjolenza domestika. Huwa programm ta’ informazzjoni, edukattiv, kif ukoll li jgħin lil dawn in-nies jevalwaw is-sitwazzjonijiet tagħhom, u li huma l-għodda u l-ħiliet biex forsi jiksbu aktar appoġġ u forsi joħorġu mill-problema.”
Calleja Millo spjegat li dan huwa servizz professjonali li permezz tiegħu l-vittmi se jkunu gwidati u mgħejjuna b’mod strutturali biex jingħataw l-aħjar servizz fl-aktar żmien ta’ vulnerabbilità.
Hija spjegat ukoll li xi kultant hawn minn jiġġudika b’mod ħażin lill-vittmi ta’ vjolenza domestika li fi żmien li jkunu għaddejjin minnha jinsew malajr u jerġgħu jmorru fi ħdan dak jew dik li tkun qed tagħmel dawn l-atti bla ħniena.
Id-Direttriċi spjegat li permezz ta’ dan il-programm, il-vittma tara futur ferm aħjar minn dak il-futur imċajpar li jidher quddiemha.
Id-Direttriċi ta’ Victim Support Malta kkonkludiet billi qalet li l-vjolenza domestika mhux kwistjoni li tissolva għall-kwiet bejn il-ħitan tad-dar imma hija kwistjoni tas-soċjetà kollha.
Hija sostniet: “Huwa importanti ħafna li nedukaw ruħna u nkunu infurmati dwar dak li qed jiġri madwarna. Il-vjolenza domestika hija sitwazzjoni kbira hawn Malta, mhijiex xi ħaġa li tiġri lil ftit nies, imma tiġri lil ħafna nies. Huwa importanti ħafna li nedukaw lilna nfusna sabiex inkunu nafu s-sitwazzjoni u noħorġu minnha qabel ma tigrava.”