Lejliet l-għeluq tat-tletin anniversarju mill-ftuħ ta’ ONE Radio, dan l-istazzjon qed iħares lura lejn it-twelid tal-istazzjon tar-radju, dak iż-żmien kien jismu Super ONE Radio.
L-aħbarijiet kienu minn dejjem parti integrali fuq ONE u anki mal-ftuħ tar-radju, kien hemm kamra tal-aħbarijiet lesta biex taġġorna bl-aħħar żviluppi fil-pajjiż u lil hinn.
Evarist Bartolo, awtorità fuq il-midja, anki bl-esperjenza twila tiegħu fix-xandir, kien l-ewwel Kap tal-Aħbarijiet ta’ ONE u kien propju fil-Marsa, il-kumpless minn fejn ixandar ir-radju u anki t-televiżjoni.
Evarist Bartolo spjega magħna x’kienet l-ewwel aħbar qatt imxandra fuq ir-radju.
Din kienet il-wasla ta’ refuġjati Albaniżi li ħarbu mill-gwerra u t-terrur li kien qed jiġri fil-Balkani.
Huma kienu abbord bastiment li ma tħalliex jidħol f’Bari u fi Sqallija u spiċċa f’Malta, viċin il-gżejjer ta’ San Pawl.
Bartolo qalilna, “Jekk niftakar tajjeb kienet xi ħaġa pjuttost kbira u ġdida għal Malta dak iż-żmien, il-wasla ta’ sitt mija, ħamsa u sebgħin, jekk mhux sejjer żball, Albaniżi li kienu telqu mill-Albanija minħabba s-sitwazzjoni ħażina ħafna politika, soċjali u ekonomika hemmhekk ma kinux jaraw futur għalihom.”
Mill-elf disgħa mija, wieħed u disgħin lil hawn inbidlet totalment ix-xena tal-midja lokali kif innota magħna wkoll Evarist Bartolo.
Huwa sostma: “Aħna konna l-ewwel stazzjon li konna nxandru live minn fuq is-sit, jiġifieri jiena ġieli kont nibgħat ġurnalist ġara xi ħaġa u kien jidħol fil-programm tal-aħbarijiet bil-mobile. Dak iż-żmien kien mobile d-daqs tiegħu kien ħafna akbar minn tal-lum u kulma tagħmel kont tkun minn post sa post u jidħol dirett dak il-ħin u jagħti rapport dak il-ħin. Kienet xi ħaġa ġdida li daħħalna aħna.”
L-ewwel Kap tal-Aħbarijiet semma wkoll kif l-istazzjon ra tibdiliet kbar kemm b’mod strutturali u kif ukoll fil-mod kif ixandar.
Bartolo tenna: “Jiena niftakar il-konkos, kollox biss konkos taħt u umdità tiela’ m’hemmx għalfejn ngħidlek. Biex naħdmu hawn konna niksħu u vera konna niksħu. Sadanittant ilma tiela’ minn taħt u ilma nieżel minn fuq għaliex soqfa taż-żingu u kienet fabbrika antika din u kienet ilha ma tara xi ftit manutenzjoni. Allura ilma minn taħt, ilma minn fuq. Taħdem bi ftit nies u taħdem bi ftit mezzi imma kien żmien eċċitanti wkoll.”
Meta mistoqsi dwar l-ewwel esperjenzi li kellu fuq ONE Radio, l-ewwel Kap tal-Aħbarijiet stqarr magħna kif l-avvanzi fit-teknoloġija komplew iqarrbu lis-semmiegħa mal-istazzjon li kien u għadu familja għalihom.
Huwa semma: “Stajt tikkummenta jew iġġib il-kummenti ta’ nies ordinarji. Din hija waħda mill-affarijiet li l-bidliet fix-xandir f’pajjiżna resaq aktar lejn in-nies. Hemmhekk ukoll ridt toqgħod attent il-kummenti li jgħaddulek speċjalment jekk tkun dirett. Għaliex jekk xi ħadd jitkellem b’ċertu mod ikkulurit, ejja ma nagħtix ħafna dettalji dwar xi ħaġa li tkun ġrat. Jekk tkun live trid toqgħod attent għax ġieli ħarġu affarijiet live li kienu daqsxejn spinti ħafna.”
Bartolo temm jirringrazzja lill-ħaddiema tal-istazzjon li taw qalbhom u stinkaw biex ONE Radio jkun il-kumpanija ta’ bosta.