L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera ordnat biex jitneħħew stqarrijiet tal-akkużat mixli bil-qtil tal-Baruni Francis Sant Cassia.
Dan għaliex dawn l-istqarrijiet saru mingħajr mal-akkużat kien tkellem mal-avukat tiegħu.
Sant Cassia kien inqatel fl-elf, disa’ mija, tmienja u tmenin f’Castello Zammitello fejn kien jgħix fl-Imġarr.
Il-każ kien baqa’ mhux solvut, iżda meta fl-elfejn u erbgħa l-Pulizija kienet qed tinvestiga każ ieħor, wasslet għall-konklużjoni li kien Carmelo Camilleri li spara lil Sant Cassia.
Huwa allegatament kien tħallas somma ta’ flus biex iwettaq dan id-delitt.
Camilleri, li fl-elfejn u sitta, ġie akkużat bil-qtil tal-Baruni Sant Cassia għadu qed jistenna biex jittella’ ġuri.
F’April tal-elfejn u sitta kien għamel żewġ stqarrijiet mal-Pulizija.
Għall-ewwel Camilleri kien ċaħad l-involviment tiegħu fil-każ, iżda mbagħad ammetta mal-Pulizija li tħallas biex iwettaq dan il-qtil.
Waqt il-kumpilazzjoni tal-evidenza, membri tal-Pulizija kien xehdu li l-akkużat kien mar magħhom fuq il-post fejn seħħ il-qtil u wriehom kif sar id-delitt.
Dak iż-żmien, id-dritt li imputat ikun assitit minn avukat waqt l-interrogazzjoni kien għadu ma daħalx, madankollu l-Imħallef qalet li dan ma jfissirx li d-drittijiet tiegħu setgħu jinkissru.
Apparti minn hekk, Camilleri qed ikun ikkunsidrat bħala persuna vulnerabbli.
Minn xhieda minn qraba tal-akkużat, ħareġ li l-imputat kien abbużat minn qraba u l-ġara tiegħu u hu kien jagħmel kulma jgħidulu u ma setax jiddefendi lilu nnifsu u lill-familtu.
Meta qieset iċ-ċirkostanzi kollha, il-Qorti ordnat biex dawn l-istqarrijiet ma jintużawx bħala evidenza fil-każ u jitneħħew.