Fil-belt tal-Isla tħabbar li se jsir ċentru ġdid għall-adolexxenti permezz t’investiment ta’ sitta u tmenin elf ewro kofinanzjati minn fondi Ewropej.
L-Arċipriet tal-Isla, Robin Camilleri stqarr kif għall-bidu huwa ħaseb li l-proċess sabiex japplika għal dawn il-fondi se jkun wieħed twil, iżda bl-għajnuna li kellha l-parroċċa, huwa ċert li ħa d-deċiżjoni t-tajba.
L-Arċipriet spjega li dan iċ-ċentru se jservi tal-ewwel pass għall-proġett ta’ riċerka, sabiex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jaħdmu aktar fuq it-talenti tagħhom.
Huwa qal, “L-ewwel stadju ta’ dan il-proġett huwa r-riċerka, u wara fuq dik ir-riċerka se jkollna d-data f’idejna, wara nagħmlu korsijiet apposta biex iż-żgħażagħ ikunu qegħdin f’dawn il-korsijiet u nagħtuhom opportunitajiet oħrajn. Parti mill-korsijiet li nkunu qed nagħmlu, se nkunu qed nagħtu għajnuna umana liż-żgħażagħ li jkunu qed jieħdu sehem fil-proġett.”
Preżenti għat-tnedija taċ-ċentru kien hemm is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi, li stqarr kif minkejja li Malta tinvesti miljuni f’fondi Ewropej fl-infrastruttura u l-bini, wieħed ma jistax jinsa l-investiment dirett fin-nies.
Huwa stqarr: “Dan il-proġett żgur li se jkun qed jilħaq il-miri importanti li fuq kollox aħna rridu naraw li nkunu t’għajnuna, u b’hekk l-investiment ta’ dawn il-fondi Ewropej se ninvestu aktar fin-nies u fiż-żgħażagħ.”
Intant, iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Opri Soċjali fi ħdan l-Arċidjoċesi ta’ Malta, Albert Debono stqarr li din il-fondazzjoni se tkun minn ta’ quddiem anke f’lokalitajiet oħra, biex parroċċi oħra jkunu jistgħu japplikaw għall-fondi bil-għan li jinvestu fil-komunitajiet tagħhom.
Huwa sostna: “Aħna nagħtu l-appoġġ lil dawn l-entitajiet fil-Knisja, inklużi l-parroċċi biex ikunu jistgħu jeċċedu għal ċertu appoġġ, f’dan il-każ finanzjarju, biex l-aspirazzjonijiet li jkollhom għall-ħidma soċjali fil-lokalitajiet u l-komunitajiet tagħhom ikunu jistgħu isiru realtà.”