“Dan huwa l-iktar baġit soċjali f’25 sena – f’temp ta’ tliet snin saħħaħna l-ekonomija u ħloqna l-prosperità biex issa nistgħu naraw li l-ġid jasal għand kulħadd, kif anke ġie kkonfermat mill-Caritas”.
Hekk stqarret is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana waqt konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum tal-Imtarfa, filwaqt li żiedet tgħid li l-kwantità ta’ miżuri mħabbra jinqasmu bejn dawk f’għajnuna diretta lil persuni b’diżabilità u dawk fil-forma ta’ proġetti infrastrutturali.
Semmiet miżuri fil-baġit li se jġbiu bidla f’ħajjet persuni b’diżabilità.
Fil-Manifest Elettorali, il-Gvern wiegħed li se jsaħħaħ il-benefiċċji imħallsa lil persuni b’diżabilità. Infatti fl-2014 żdiedet ir-rata tal-Allowance tat-Tfal b’Diżabilità u fl-2015 daħlet miżura li biha d-dħul mill-impjieg beda jiġi injorat kollu kemm hu għall-finijiet tal-kalkolu tal-Pensjoni tad-Diżabilità.
Issa jmiss pass ieħor kbir ’il quddiem, spjegat is-Segretarju Parlamentari, li l-Gvern jaħseb f’dawk li minħabba d-diżabilità tagħhom ma jistgħu qatt ikunu f’pożizzjoni li jaħdmu u b’hekk jikkumplimentaw id-dħul mill-pensjoni mad-dħul mix-xogħol. Għalhekk, matul is-sena d-dieħla se ssir riforma f’dan il-qasam fejn se jkunu stabbiliti tliet livelli ta’ ħlasijiet skont il-livell ta’ diżabilità. L-ewwel livell se jikkonċerna lil dawk il-persuni b’diżabilità li assolutament ma’ jistgħux jipparteċipaw fid-dinja tax-xogħol skont il-Barthel Index.
Dawn se jkunu qed jirċievu l-ogħla rata ta’ benefiċċju li se tiżdied, bil-għan li eventwalment u gradwalment, din ir-rata tkun ekwivalenti għall-ammont nett li persuna ddaħħal mill-paga minima.
It-tieni livell se jkun bħal dak imħallas illum u se jkun qed jiġbor fih lil dawk il-persuni li d-diżabilità tagħhom taqa’ fil-parametri tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali u jkunu jaħdmu jew jistgħu jaħdmu. Hawnhekk, il-Gvern se jkompli bir-riforma li permezz tagħha, mijiet ta’ persuni b’diżabilità daħlu fid-dinja tax-xogħol għall-ewwel darba.
It-tielet livell se jkun qiegħed gradwalment jiġbor fih diżabilitajiet li sal-lum għadhom m’humiex koperti bil-liġi u persuni li sal-lum ma jieħdux benefiċċju.
Fil-fatt b’dan il-mod il-Gvern se jwettaq wegħda elettorali oħra li tikkonċerna lil persuni taħt is-60 sena li għax għandhom riġel jew driegħ wieħed nieqes, sal-lum m’humiex ikkunsidrati bħala persuni b’diżabiltà għall-fini tal-Pensjoni tad-Diżabilità. Barra minn hekk, għal dawk li se jkunu qed jieħdu l-Pensjoni tad-Diżabiltà fl-ewwel livell li semmejt aktar ‘il fuq, id-dħul li jkun ġej minn xi benefiċċji jew pensjonijiet oħra, anke minn barra, mhux se jibqa’ jiġi ikkunsidrat fl-assessjar tal-eliġibilità tal-Karta r-Roża. U għal dawk fit-tieni livell, id-dħul mill-impjieg mhux se jibqa’ jiġi kkunsidrat fl-assessjar tal-Karta r-Roża.
Mizura oħra li se tidħol hija li persuni li jirċievu l-Pensjoni tad-Diżabilità u li jkunu eliġibbli għall-mediċini b’xejn se jibdew jingħataw il-Karta r-Roża għal sena u mhux għal tliet xhur kif qed jiġri illum. Dan se jiffranka ħafna tbatija u skariġġ għall-persuni infushom u għal qrabathom.
Studenti b’diżabilità se jkunu fost dawk li se jkunu awtomatikament eleġibli ta’ manteniment, inkluża għotja supplimentari.
Is-Segretarju Parlamentari qalet li daħlet skema ġdida li permezz tagħha persuna b’diżabilità jkollha l-għajnuna ta’ assistent personali skont l-ħtiġijiet tagħha. L-iskema li hija msejsa fuq dik imħaddma mill-Independent Living Institute ta’ l-Iżvezja, ser tkun miftuħa għal persuni ta’ kull età, bl-ispiża tas-servizz tinqasam bejn il-Gvern u dawk li jagħmlu użu mis-servizz. L-ispiża annwali għal din il-miżura se tlaħħaq ftit aktar minn € 1 miljun.
Ser tkompli tingħata spinta lill-proġett Soċjetà Ġusta, bil-għan li jinħolqu total ta’ għaxart idjar żgħar fil-komunità li jilqgħu fihom persuni b’diżabilità. Permezz ta’ dawn id-djar, il-ġenituri ta’ dawn ilpersuni b’diżabilità jkollhom moħħhom mistrieħ għal meta jiġu nieqsa. S’issa lestejna tlett idjar (fis-Siġġiewi, ir-Rabat Għawdex, u ż-Żurrieq) u, għas-sena d-dieħla, hemm pjanati numru ta’ djar oħra.
Sadanittant, kompliet il-ħidma fuq il-proġett REACH imħabbar is-sena l-oħra li ser isir fin-Naxxar.
Ser jitkabbar u jiġi mmodernizzat iċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum tal-Imtarfa, sabiex joffri aktar faċilitajiet u jakkomoda aħjar lil dawk il-persuni li jagħmlu użu minnu matul il-ġimgħa.
Ċentru ieħor ta’ din ix-xorta fin-nofs ta’ Malta biex jintlaħqu aktar persuni li għandhom bżonn dawn is-servizzi fejn ser jithaddem programm modern u nnovattiv li jinvoli wkoll lill-familjari.
Dawn fost miżuri oħra, bħal li jinħolqu aktar impjiegi għall-persuni b’diżabilità permezz tal-Document Management System for Public Documents. Se jingħata kumpens għal dawk impjegati fis-servizz pubbliku f’każ ta’ diżabilità waqt il-qadi ta’ dmirijiethom, mingħajr il-bżonn ta’ rikors tal-qorti. U f’każ ta’ transferiment ta’ vetturi lil dawk li mhumiex eżenti mit-taxxa tar-reġistrazzjoni mingħand dawk li huma eżentati (e.g. persuni b’diżabilità), l-ammont dovut, minħabba l-eżenzjoni, se tiġi mifruxa fuq medda ta’10 snin.
Fl-aħħarnett fakkret il l-Awtorità tad-Djar se twettaq proġett għall-installazzjoni ta’ liftijiet u tisbiħ ta’ residenzi tal-gvern. Il-proġett se jibbenefikaw minnu madwar 200 persuna b’diżabilità.