In-nuqqas ta’ xita fit-xitwa u ż-żieda enormi fit-temperaturi fis-sajf qed iħallu l-effetti negattivi tagħhom fuq is-siġar indiġeni, inkluż taż-żebbuġ.
Dan il-fenomenu, li wieħed jista’ jattribwixxih mat-tibdil fil-klima, qed jesperjenzah bħalissa l-bidwi Joseph Spiteri, fejn l-għexieren ta’ siġar taż-żebbuġ li għandu mħawwla f’għalqa fiż-żona tal-Magħtab mhux jagħtu frott.
Ma’ ONE News, huwa spjega x’sab ma’ wiċċu din is-sena.
“Jien min-naħa tiegħi li rajt għaliha fenomenu li joħroġlok; il-fjuri ma waqqgħux ir-riħ u ż-żebbuġ ma ffurmax. Il-fjura baqgħet niexfa ġol-fjura l-ewwel darba li qatt rajtha jien għax is-soltu jwaqqa’ koċċ ir-riħ u niġbru ż-żebbuġ is-siġar kollha vojta. Is-siġra ma kinitx rieqda, ilma l-Bambin ma għamilx u s-sħana li qed tagħmel.”
Xena ta’ qsim il-qalb taraha int u sejjer lejn Għajn Tuffieħa jew fl-Imġarr, fejn wieħed jista’ jilmaħ mijiet ta’ siġar niexfa, bħal donnhom mejtin bil-għatx.
Hawnhekk ħadna r-reazzjoni tal-Professur Alan Deidun, li spjega x’qed jiġri fid-dinja bħalissa.
“Din is-sena qed tkompli s-sensiela bi ftit xita, fejn ix-xitwa qed tkun veru batuta fejn tkun ix-xita u s-sajf qed ikun aktar u aktar qalil u qed naraw li dan is-sajf qed jinħass aktar minn sjuf oħra bħal pereżempju bħal ma qed naraw is-siġar li huma indiġeni u li jifilħu għall-klima li qed naraw mijiet iħossu d-daqqa tan-nixfa u tarahom isiru kannella.”
Huwa żied jappella sabiex mil-lum, nibdew naħsbu għall-ħażna tal-ilma għax din is-sħana mistennija tiżdied u tibqa’, anke fis-snin li ġejjin.
“Nagħmlu użu naqra aħjar mill-ilma tax-xita, għandna bżonn immorru lura għal dak li kienu jagħmlu missirijietna f’dari bħal bini ta’ ġwiebi, ovvjament mingħajr ma ssir ħsara imma jsiru bil-għaqal. Għandna bżonn inżommu dan l-ilma qabel ma jispiċċa l-baħar.”