Mill-elfejn u għoxrin, Gvern Laburista mmexxi mill-Prim Ministru Robert Abela daħħal mija u tlett atti Parlamentari u għaxra oħra mistennija jiddaħħlu sa din is-sena.
Dan ifisser li sakemm tasal fi tmiemha din is-sena se jkun ddaħħlu f’pajjiżna rekord ta’ liġijiet ġodda.
Dan hekk kif minn Jannar tas-sena l-oħra sakemm il-Parlament aġġorna għall-vaganzi tas-sajf tressqu b’kollox mija u ħamsa għoxrin (125) abbozz, li minnhom mija u tlieta (103) diġà għaddew mill-fażijiet kollha qabel saru liġi.
B’għaxar abbozzi oħra jinsabu fl-aħħar stadju u mistennija jiġu approvati mill-fażi tat-tielet qari fl-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna wara li din tiftaħ f’Ottubru li ġej.
Dan ifisser li f’perjodu ta’ sentejn se jkunu għaddew mija u tlettax-il abbozz ta’ liġi.
Dan ir-rekord ta’ liġijiet jiżboq in-numru ta’ liġijiet li għaddew taħt gvernijiet Nazzjonalisti.
Dan hekk kif il-medja ta’ liġijiet ġodda taħt Gvernijiet Nazzjonalisti mill-elf disa’ mija sebgħa u tmenin (1987) huwa ta’ mija u għaxar liġijiet kull ħames snin.
Jiġifieri tlieta inqas minn kemm Gvern Laburista mmexxi mill-Prim Ministru Robert Abela se jkun daħħal f’sentejn.
Fl-aħħar leġiżlatura ta’ Gvern Nazzjonalista ta’ Lawrence Gonzi, f’ħames snin bejn l-elfejn u tmienja (2008) u l-elfejn tlettax (2013) iddaħħlu mija u tnax-il liġi ġdida.
L-għan ta’ dawn il-liġijiet li ddaħħlu f’dawn l-aħħar sena u nofs huwa li jkomplu jissaħħu l-istituzzjonijiet f’pajjiżna.
Dawn ġew imfaħħra minn istituzzjonijiet internazzjonali fosthom il-Kummissjoni Ewropea u diversi aġenziji ta’ kreditu.
Ta’ min jinnota wkoll li dawn il-kisbiet favur is-saltna tad-dritt kienu mmajna mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista ta’ Bernard Grech, hekk kif ivvutat kontra emenda Kostituzzjonali.
Din l-emenda kienet se tagħti iżjed poteri lill-awtorijiet bħal FIAU biex jimponu multi u sanzjonijiet aktar ħorox fuq min jinqabad iwettaq reati gravi, bħal ħasil ta’ flus.
Dwar dan tkellimna mal-Whip tal-Gvern Glenn Bedingfield.
“Għaddejna rekord ta’ liġijiet għaliex għandna pjan legislattiv ambizzjuz ħafna u rridu ngħidu wkoll li għaddejna numru ta’ liġijiet fi żmien meta l-pajjiż kien għaddej minn pandemija. Dawn il-liġijiet kienu jinkludu att ta’ riformi illi l-pajjiż jeħtieġ u se nibqgħu nagħmlu sa tmiem din il-legislatura, għaliex dak li jeħtieġ il-pajjiż, aħna Gvern li jisma’ u fuq kollox Gvern li jattwa, jaġġixxi u jaħdem.”