L-għaqda Saint John Rescue Corps issa għandha vettura ġdida tat-tifi tan-nar u dinghi tas-salvataġġ ġdid fil-flotta tagħhom.
Id-dinghi ta’ wieħed u għoxrin pied li huwa t-tieni wieħed fil-flotta b’apparat avvanzat fis-salvataġġ ta’ persuni fuq l-ibħra.
Dan kien sostanzjalment iffinanzjat minn grupp li organizza sifda ta’ qdif madwar Malta, bl-siem ta’ #Kayak4StJohnRescue.
Il-vettura tat-tifi tan-nar iġġorr elf u tmien mitt litru t’ilma u se tilqa’ ekwipaġġ ta’ ħames pumpiera. Issa b’kollox hemm erba’ vetturi tat-tifi tan-nar fil-flotta.
Il-vettura ingħatat minn Merseyside Fire and Rescue Services stazzjonati fir-Renju Unit li ilhom jgħinu s-Saint John Rescue Corps b’diversi donazzjonijiet.
Tkellimna ma’ wieħed mid-disgħin voluntier fi ħdan is-Saint John Rescue, li spjega s-sinjifikat tal-aħħar żieda fil-flotta.
“Bħala vetturi żidna l-kapaċità għal ħamsa minn nies oħra. Żidna l-ilma, iġifieri għandna elf u tmien mitt litru oħra ta’ ilma kif ukoll żidna saħħa ta’ pompa oħra. Ħalli jekk ikollna bżonn ammont kbir ta’ ilma fl-inċident inkunu nistgħu nippumpjaw aktar ilma milli konna qabel.”
Fiċ-ċerimonja ta’ inawgurazzjoni u tberik tal-vetturi, id-Deputat Kummissarju tal-korp, Christopher Borg Cardona saħaq li bħala għaqda iħarsu ‘l quddiem għal aktar għajnuna lil Protezzjoni Ċivili.
“Dan ser ikun qed jimpatta billi aħna ser inkunu nistgħu noffru aktar servizzi għal pubbliku speċjalment biex nassistu anki lil Protezzjoni Ċivili. Aħna spiss inkunu mgħajjta biex nassistuhom f’emerġenzi u b’hekk ikollna aktar vetturi biex aħna nkunu nistgħu nassistu.”