Ibrahim Serder ta’ 36 sena mill-Bangladesh baqa’ jinżamm arrestat wara li nqabad fl-ajruport jipprova jaħrab b’dokuemnt falz.
Huwa ġie arrestat mill-Pulizija tal-Immigrazzjoni flimkien ma’ persuni oħra li kienu qed jagħmlu użu minn dokumenti foloz.
Fil-Qorti, l-Ispettur Christian Abela mit-Taqsima tal-Immigrazzjoni spjega li minn investigazzjonijiet li saru rriżulta li Serder kien il-persuna li biegħ id-dokumenti lill-għaxar persuni l-oħra. Ir-raġel ġie akkużat ukoll li ħoloq jew kellu fil-pussess tiegħu dokumenti li kienu mbagħbsa.
L-Ispettur James Turner spjega wkoll li fuq il-persuna tar-raġel instabu aktar minn €10,000 li allegatament inġabru mill-bejgħ tad-dokumenti foloz. Kien għalhekk li l-Pulizija akkużat lir-raġel b’ħasil ta’ flus u li għamel użu ta’ flus li kien jaf li ġejjin minn attivitajiet kriminali.
L-Avukati Cinzia Azzopardi Alamango u Maria Schembri mill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali assistew ukoll fil-prosekuzzjoni tal-każ.
Intant, matul il-jum tal-Ġimgħa, tressqu wkoll il-ħdax-il persuna l-oħra li ġew arrestati mar-raġel li kollha ammettew li għamlu użu minn pasaport falz u ngħataw sentenza ta’ sitt xhur ħabs effettivi.