Il-Pulizija arrestat ħdax-il persuna li kienu qed jagħmlu użu minn dokumenti foloz waqt li ppruvaw jaqbdu titjira fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Wieħed minn dawn il-persuni instabulu fuqhu ammont sostanzjali ta’ flus kontanti u materjal ieħor li indika li kien hu li kien organizza d-dħul, jew il-ħruġ minn Malta b’mod illegali tal-persuni l-oħra.
Pulizija ta’ l-Immigrazzjoni u dawk ta’ Kontra l-Ħasil tal-flus komplew bl-investigazzjonijiet u r-raġel mistenni jitressaq b’arrest il-Qorti għall-ħabta tas-siegħa u nofs ta’ waranofsinhar quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Victor Axiaq LL.D
Hu ser ikun akkużat bi traffikar ta’ persuni, ħasil ta’ flus u ksur tar-regolamenti dwar il-kontroll tal-flus, fost oħrajn. Il-Prosekuzzjoni ser titmexxa mill-Ispetturi Christian Abela u James Turner. Huma ser ikunu assistiti mill-Avukati Cinzia Azzopardi Alamango u Maria Schembri mill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali.