L-aġenzija internazzjonali ta’ kreditu Moody’s tat rating ta’ A2 għall-ekonomija Maltija.
Din hija klassifikazzjoni li Malta kellha f’Lulju ta’ sentejn ilu qabel pandemija u huwa l-aħjar rating miksub minn pajjiżna minn Settembru 2011.
F’rapport, l-esperti ta’ Moody’s qalu li wara d-daqqa inizjali li tat il-pandemija, l-ekonomija Maltija reġgħet bdiet tikber din is-sena b’rata ta’ 3.5%.
Intqal li dan sar anki minkejja li l-andament fis-settur turistiku għadu mhux sostnut.
Dan f’kuntest li pajjiżna qed jaċċetta turisti li huma kompletament imlaqqma kontra l-Covid-19.
Hawn issemma wkoll li pajjiżi oħra għadhom ferm wara Malta fejn jidħol it-tilqim.
Moody’s qalet ukoll li kien hemm żieda fid-dejn nazzjonali.
Dan frott l-għajnuna kbira li ta l-Gvern lin-negozji u l-familji biex jilqgħu għall-impatt mill-pandemija.
Madankollu b’referenza għal dak li l-Prim Ministru Robert Abela kien isemmi bħala ‘war chest’, il-qagħda finanzjarja hija waħda sostennibbli.
“Mitigated by the government’s strong affordability metrics.”
L-aġenzija internazzjonali ta’ kreditu nnutat ukoll ir-reżiljenza tal-banek.
L-esperti ta’ Moody’s, magħrufa li ma jħarsu lejn wiċċ ħadd, tkellmu wkoll fuq id-deċiżjoni tat-Task Force t’Azzjoni Finanzjarja, l-FATF.
Hawnhekk qalu li pajjiżna jeħtieġ jibqa’ jibni fuq dak imsemmi fi kliemhom bħala ‘track record’ fir-riformi kbar li daħħal il-Gvern Malti fl-aħħar xhur.
Fil-fatt intqal li l-FATF u l-Moneyval irrikonoxxew il-progress li sar fil-qafas regolatorju f’pajjiżna.
“Both FATF and the Council of Europe’s anti-money laundering Moneyval have recognized the progress made to date in strengthening the supervisory framework in Malta.”
Intqal li issa huwa importanti li dawn ir-riformi jingħataw spinta oħra b’aktar infurzar.
Fi stqarrija l-Gvern Malti qal li b’kuntrast ma’ dak li ssostni l-Oppożizzjoni, skont il-Moody’s, pajjiżna għandu profil b’saħħtu ta’ governanza.
“On the whole, the country benefits from a strong institutional environment”.
Dan filwaqt li jingħad b’mod ċar li d-deċiżjoni li pajjiżna jkollu rating ta’ A2 ġejja wara li taħt l-amministrazzjoni ta’ Robert Abela, pajjiżna indirizza kwistjonijiet marbuta mal-istituzzjonijiet.
“Also reflects the efforts undertaken by the Maltese government since 2020 to tackle some of the country’s institutional shortcomings”.
Fuq twitter il-Prim Ministru Robert Abela nnota dak li qalu l-esperti ta’ Moody’s u saħaq li dan ir-rapport ġie wara reżiljenza fl-ekonomija Maltija u riformi istituzzjonali.
B’rabta ma’ dan ir-rapport ta’ ċertifikat pożittiv ieħor għall-ekonomija Maltija, wara dawk ta’ Fitch u d-DBRS, il-Gvern tenna d-determinazzjoni li jkompli jsaħħaħ l-governanza tajba u li jwettaq l-pjan t’azzjoni maqbul mal-FATF.
Il-Gvern qal li d-dħul tal-Gvern diġà rritorna għal-livelli ta’ qabel il-pandemija u anke permezz ta’ fondi Ewropej, fiż-żmien li ġej ser ikun hemm tisħiħ fil-finanzi pubbliċi.
Dan wara li l-politika fiskali tal-Gvern wasslet biex pajjiżna għandu l-anqas numru ta’ nies qiegħda fl-istorja.