L-Ispeaker Anġlu Farrugia innota b’dispjaċir li simpożju tal-ewwel tip tax-xorta tiegħu fejn eks Speakers kienu se jiltaqgħu fis-Sala tal-Parlament bħala parti mill-attivitajiet li jfakkru l-mitt sena anniversarju tal-Parlament Malti, kellu jitħassar.
Dan wara li kif ġie rappurtat fil-midja, numru ta’ Speakers predeċessuri tiegħu infurmawh li ma kinux se jattendu.
L-Ispeaker Farrugia qal li jħoss li din kienet okkażjoni unika li ntilfet għaliex skont l-istess programm ta’ din il-laqgħa, dawn il-persuni kienu se jiġu mistiedna biex jitkellmu kemm dwar l-esperjenza tagħhom matul il-perjodu li ppresedew il-Kamra, kif ukoll biex jagħtu l-veduti tagħhom dwar kif il-Parlament jista’ jimxi ‘l quddiem billi jindirizza aħjar l-aspettattivi tal-soċjetà tal-lum.
Intqal li biex il-messaġġ ta’ dawn il-persuni jkun jista’ jasal għand il-pubbliku, kienu diġà saru l-arranġamenti kollha biex dan is-simpożju jixxandar b’mod dirett fuq ix-xandir nazzjonali u l-istazzjon televiżiv tal-Parlament.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia temm l-istqarrija tiegħu billi jirrimarka li hija veru ħasra li filwaqt li din l-attività kienet se tittella’ biex tfakkar il-mitt sena mill-kisba tal-Kostituzzjoni Amery Milner u t-twaqqif tal-Parlament ta’ Malta meta l-forzi kollha ta’ dak iż-żmien ingħaqdu għal għan wieħed, f’din l-okkażjoni unika li kien ser joffri s-simpożju, twarrbet l-għaqda tant meħtiega.
Skont dak rappurtat fil-midja, Lawrence Gonzi, Louis Galea, Anton Tabone u Alfred Bonnici rrifjutaw l-istedina tal-Ispeaker Dr Anġlu Farrugia.