Il-Pulizija arrestat mara ta’ 56 sena u raġel ta’ 46 sena wara li allegatament waqfu, heddew u serqu minn fuq raġel ta’ 43 sena.
Il-każ seħħ nhar l-Erbgħa li għadda għal ħabta tal-ħdax ta’ filgħodu fi Ġnien il-Kunsill tal-Ewropa, il-Gżira, meta r-raġel kien miexi fl-istess ġnien.
Ħidma konġunta bejn il-Pulizija mid-Dipartiment tar-Reati Magguri u tar-Rapid Intervention Unit, wasslet biex f’inqas minn 24 siegħa jarrestaw waħda mill-allegat ħallelin.
Fi stqarrija l-Pulizija qalet li wara li ġew infurmati, minnufih bdiet tfittxija għaż-żewġ persuni, fejn madwar siegħa biss wara, arrestaw lill-mara, fil-Gżira stess.
It-tfittxijiet għar-raġel issoktaw u lbieraħ filgħodu, Kuntistabbli tal-Pulizija stazzjonat ir-Rapid Intervention Unit, fil-ħin li ma kienx xogħol, għaraf lir-raġel, li kien passiġġier f’vettura li kienet qiegħda tinstaq fil-Gżira.
Fuq il-post indikat mill-kuntistabbli, intbagħtu mill-ewwel il-Pulizija tar-RIU li sabu l-vettura u ftit wara arrestaw lir-raġel.
Huma se jitressqu l-Qorti llum, għall-ħabta tad-disgħa ta’ filgħodu quddiem ilMaġistrat tal-Għassa, Dr Nadine Lia.
L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.