Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm qed jappella għal aktar donazzjonijiet tad-demm. Dan hekk kif fl-aħħar tlett ijiem kien hemm biss 96 persuna li marru biex jagħtu d-demm, dan ifisser li l-ammont tad-donaturi tad-demm naqas bin-nofs.
Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm, fi stqarrija qal li minkejja li bħalissa pajjiżna għaddej minn mewġa ta’ sħana, għad hemm persuni li se jiġu operati jew li għandhom bżonn trasfużjoni tad-demm. L-aktar tip ta’ demm li hawn bżonn għalih huwa tal-O positive.
Għaldaqstant il-pubbliku hu mħeġġeġ jersaq kemm jista’ jkun malajr biex jagħti d-demm fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ G’Manġa. Apparti min hekk, qed isir appell biex wieħed joqgħod attent fosthom fuq il-postijiet tax-xogħol, fit-toroq u fil-bajjiet, biex ikunu evitati kemm jista’ jkun aktar inċidenti
Iċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ G’Manġa, ikun miftuħ kuljum mit-8:00am sas-6:00pm. Wieħed irid jieħu l-karta tal-identità miegħu. Għal iżjed informazzjoni dwar l-għoti tad-demm wieħed jista’ jidħol fuq www.blood.gov.mt jew iċċempel fuq: 79307307 jew Freephone 80074313.