Fi stqarrija l-Partit Laburista fisser tal-Partit Nazzjonalista bħala l-esperti tal-blackouts u l-qtugħ fil-provvista tad-dawl kemm fis-sajf u anki fix-xitwa.
Qal li għalhekk l-Oppożizzjoni mhiex kredibbli meta titkellem fuq l-enerġija, anki għaliex meta kienet fil-Gvern għabbiet lill-familji u lin-negozji bl-ogħla kontijiet.
Il-Partit Laburista nnota li llum l-qtugħ tad-dawl huwa nofs dak li kien fi żmien l-aħħar Gvern Nazzjonalista.
Spjega kif Gvern Laburista investa kemm felaħ fis-settur ral-enerġija, anki jekk li kien għaliha, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ma nvestitx f’dan il-qasam.
Fl-istqarrija intqal li bit-tkabbir ekonomiku li esperjenza pajjiżna fl-aħħar snin, bil-politika tal-enerġija tal-Partit Nazzjonalista, il-pajjiż kien jagħmel perjodi twal mingħajr provvista tal-elettriku.
“Mill-isfidi, il-Partit Nazzjonalista kapaċi joħloq biss stqarrijiet partiġjani. Il-poplu jaf li dan il-Gvern mill-isfidi joħloq soluzzjonijiet”, saħaq il-Partit Laburista, li fakkar li fl-aħħar seba’ snin, l-investiment fis-sistema ta’ distribuzzjoni tal-elettriku laħħaq aktar minn mija u tletin miljun ewro.
Il-Partit Laburista qal li hu fil-Gvern se jkompli jinvesti l-miljuni biex il-Maltin u l-Għawdxin jingħataw is-servizz li jistħoqqilhom fl-istess ħin li jgawdu minn kontijiet orħos.