Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura investiment ta’ €2.5 miljun minn fondi nazzjonali fix-xatt tal-Esplora fil-Kalkara.
Investiment li wassal għar-restawr tax-xatt sabiex issa tnieda servizz ġdid ta’ trasport tal-baħar mill-Port il-Kbir għall-Esplora.
F’konferenza li mmarkat l-inawgurazzjoni ta’ dan is-servizz, il-Prim Ministru Robert Abela qal kif dan il-proġett huwa wieħed li jirrispetta l-wirt storiku u l-ambjent.
Huwa sostna kif dan il-proġett huwa parti minn kullana ta’ proġetti favur in-nies tal-Kottonera u l-inħawi.
Qal, “Hekk tixirqila din iż-żona fuq kollox hekk jixirqilhom in-nies li jgħixu f’dawn l-ibliet sbieħ li jagħmlu minn din in-naħa tal-port post mill-isbaħ. B’investiment ta’ €6 miljun qed nirriġeneraw ix-Xatt tal-Kalkara. Proġett li filwaqt li se jtejjeb il-ħajja tan-nies u tal-komunità se jkun qed jagħti r-ruħ u l-identità lil dan il-post storiku.”
Preżenti għal din il-konferenza, il-Ministru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici esprima s-sodisfazzjon tiegħu li jara din iż-żona ikonika restawrata u mgħoddija lura lill-pubbliku b’mod li jirrispetta bis-sħiħ l-awtentiċità u l-valur storiku uniku tal-lokal tal-Kalkara.
Huwa sostna wkoll l-importanza li aktar nies jiġu esposti għax-xjenzi.
Spjega, “Matul sena f’ċirkostanzai normali l-Esplora tilqa’ fiha bejn 85,000 u 100,000 elf viżitatur. Aħna nemmnu li bis-saħħa ta’ dan il-proġett dan l-ammont se jikber, ħa jkompli jimxi ’l quddiem u ħa jkompli jespandi.”
Minn naħa tiegħu ċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Jeffrey Pullicino Orlando tenna l-isforzi tal-Kunsill, li fl-aħħar snin iffukaw fuq ir-restawr u r-rijabilitazzjoni ta’ Villa Bighi u t-twaqqif tal-Esplora.
Qal, “Minn naħa tagħna issa bl-appoġġ tal-Gvern qegħdin nimxu ’l quddiem biex naħdmu fuq ir-restawr tal-bqija tal-forshore tal-Bighi Peninsula li se twassal biex ikollok continious walkway għall-beach li hawn fil-Grand Harbour Rinella beach u allura anke esperjenza minnha nnifisha li tkun interessanti ħafna.”
Il-Bighi Cot Lift li għandu valur storiku kbir ġie restawrat ukoll. Storikament, il-Cot Lift kien jintuża biex itella’ pazjenti feruti jew morda fuq stretchers, direttament mil-livell tal-baħar għal ġo dak li kien, l-Isptar Navali ta’ Bighi.
Il-lift ġie sostitwit b’wieħed modern li jikkonforma mal-istandards tal-lum, filwaqt li t-torri ta’ madwaru sarlu restawr estensiv. Il-viżitaturi li jaslu fuq il-moll il-ġdid tal-Esplora, issa se jkunu jistgħu jidħlu fl-Esplora direttament permezz ta’ dan il-lift ikoniku.