L-Enemalta qalet li lbieraħ id-domanda għall-elettriku laħqet livell rekord ta’ ħames mija wieħed u sittin mega watt.
Din kienet għaxra fil-mija iktar mill-ogħla domanda għall-elettriku li kellna f’Lulju ta’ sentejn ilu.
Fi stqarrija l-Enemalta qalet li ż-żieda qawwija fid-domanda li kellna f’dawn il-ġimgħat, u b’mod partikolari t-temperaturi għoljin, jikkawżaw ħsarat fuq is-sistema tal-low voltage li konsegwenza tagħha tolqot numru ta’ djar fost oħrajn.
L-Enemalta skużat ruħha għal kull inkonvenjent u qalet li qed tkompli tagħmel l-almu tagħha biex jonqos il-ħin tas-sospensjoni tal-elettriku.
Biex tnaqqas l-inkonvenjent, fejn possibbli, l-Enemalta qed tipprovdi servizz temporanju alternattiv permezz ta’ generators li jitpoġġew ħdejn is-substation sakemm jitlestew it-tiswijiet.