Fil-Qorti kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Yorgen Fenech fejn fost oħrajn xehdet waħda mill-qraba tal-middleman Melvin Theuma, li bħalissa qed jaffaċċja proċeduri kriminali separati.
Dan il-fatt kien sors ta’ battibekk bejn il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello u l-avukat tad-difiża Charles Mercieca.
Il-Maġistrat qalet li l-persuna ma tistax tixhed quddiem il-Qorti filwaqt li l-Avukat Mercieca sostna li d-difiża ma tistax tkun imċaħda mill-evidenza.
Mill-argument ħareġ li x-xhud hija mixlija b’akkużi finanzjarji.
Hu mifhum li għenet lil Melvin Theuma bir-recordings tiegħu.
Minkejja kollox, ix-xhud xehdet wara li ġew spjegati d-drittijiet tagħha iżda x-xhud irrifjutat li twieġeb għal numru ta’ mistoqsijiet fosthom ir-rabta tagħha mal-każ.
Fuq il-pedana tax-xhieda tela’ wkoll is-Supretendent Keith Arnaud li esebixxa numru ta’ ritratti ta’ garaxx fil-Mosta fejn ġie maħżun l-isplussiv li allegatament intuża waqt l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
L-eks sid tal-garaxx John Bugeja xehed li Robert Agius, wieħed mill-aħwa tal-Maksar saqsih biex jikri l-garaxx f’isem Bugeja.
Bugeja spjega li Agius qallu li kellu xi affarijiet tal-Qorti u ma riedx li l-garaxx jidher fuq ismu.
Bugeja spjega li kien hu li kien ikellem lis-sid u li qatt ma mar fuq il-post ħlief meta ngħata ċ-ċwievet tal-post.
L-istess ċwievet kienu għaddew lil Robert Agius u fi tmiem il-kirja Agius kien reġa’ għaddihom lura lil Bugeja.
Xehed ukoll Natalio Azzopardi, sid ta’ kumpanija li tikri l-garaxxijiet li tkellem dwar garaxx f’Santa Venera li kien jagħmel parti minn kumpless.
Bejn l-elfejn u erbatax u l-elfejn u tmintax, dan il-garaxx inkera lil ċertu Charles Cassar mill-Marsa.
Intqal kif Azzopardi kien jiġbor il-kera mingħand diversi persuni mis-Siġġiewi u l-aħħar ħlas tal-kera kien f’Settembru tal-elfejn u sbatax, li kien ikopri sa Jannar tal-elfejn u tmintax.
F’diversi attentati, Natalio Azzopardi pprova jikkuntatja lil Cassar iżda qatt ma rnexxielu.
Meta kien mistoqsi dwar min kien dan Charles Cassar, is-sid wieġeb, “Ma naħsibx li Charles Cassar qatt eżista.”
Xhud ieħor kien Lawrence Pace magħruf bħala l-Lolly mill-Marsa.
Pace kien jaf lil Vince Muscat il-Koħħu u akkumpanjah darbtejn is-Siġġiewi biex iħallas raġel.
Pace spjega li Melvin Theuma kien kellmu għax ried jgħaddi xi flus lill-aħwa Degiorgio.
Pace għal erba’ darbiet, kien għadda tliet mitt ewro lil raġel li kien jaf lill-aħwa Degiorgio.
Fil-fatt ix-xhud allegatament huwa wieħed mill-intermedjarji għal pagamenti tal-kera għall-garaxx.