L-eks Surġent tal-Pulizija, Glen Carabott ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet.
Bħalissa Carabott għaddej bi proċeduri kriminali kontrih fuq akkużi ta’ strupru fuq tfajla.
Il-Prosekuzzjoni kienet spjegat kif fil-lejl bejn is-16 u s-17 ta’ April, tfajla għamlet rapport lill-Pulizija minħabba serqa fid-dar taghha, fejn saħqet ukoll li allegatament, l-akkużat stupra lit-tfajla meta mar biex jinvestiga l-każ.
Fil-Qorti ntqal li huwa ġibed filmat tal-allegat stupru.
Intqal ukoll li r-rapport tas-serqa ma daħalx fl-għassa tal-pulizija.
Quddiem il-Qorti Kriminali ppreseduta mill-Imħallef Aaron Bugeja, l-Avukat tad-Difiża Ishmael Psaila għamel din it-talba tal-ħelsien mill-arrest, liema talba ġiet milqugħa.
Fost il-kundizzjonijiet marbuta mal-libertà proviżorja hemm li Carabott ma jistax isiefer, ma jersaqx lejn it-tfajla, jirrapporta fl-Għassa tal-Pulizija tar-Rabat kuljum bejn it-tmienja ta’ filgħodu u s-sitta ta’ filgħaxija, jiddepożita s-somma ta’ €5,000 u jagħti garanzija personali ta’ €5,000 oħra.