Heritage Malta qed tistieden lill-pubbliku biex nhar is-Sibt, 21 ta’ Awwissu, jingħaqad mal-Kuratur Anzjan John J Borg għal żjara madwar Filfla li matulha se jkun qed jaqsam bosta stejjer kurjużi dwar din il-gżira ċkejkna li taf tidher insinjifikanti iżda li fir-realtà għandha ġrajja tassew interessanti.
Matul din iż-żjara, il-parteċipanti se jgawdu dawra bid-dgħajsa filwaqt li jisimgħu dawn ir-rakkonti intriganti u bosta oħrajn. Ikun hemm ukoll il-possibilità li wieħed jilmaħ xi tajr tal-bahar, fkieren jew xi denfil.
Id-dgħajsa titlaq mix-Xatt ta’ Tas-Sliema (Luzzu Cruise Point) fl-10:00am u terħilha dritt lejn Filfla, tul il-kosta tal-lvant u tan-nofsinhar ta’ Malta. Ħadd mhu se jinżel fuq Filfla jew jgħum madwarha. Madankollu, waqt il-vjaġġ lura, id-dgħajsa se tieqaf fl-inħawi ta Delimara għal dawk li jixtiequ jgħumu, imbagħad taqbad it-triq lura lejn Tas-Sliema.
Fuq id-dgħajsa se jkun hemm bar li jbigħ xorb biss. Għalhekk dawk li se jattendu għandhom jieħdu magħhom l-ikel u x-xorb li jippreferu. Huwa rakkomandat li dawk abbord jieħdu prekawzjonijiet kontra x-xemx u jilbsu kappell.
Il-biljetti jinbiegħu kif ġej: Adulti €25, Anzjani u Studenti €20, membri ta’ Heritage Malta u tfal (6 – 11-il sena) €15. Il-biljetti jinxtraw mis-siti u l-mużewijiet ta’ Heritage Malta.
Dawk li se jattendu għandhom ikunu x-Xatt ta’ Tas-Sliema fid-9.15am. Id-dgħajsa tasal lura Tas-Sliema fit-3:00pm. Iż-żjara tista’ titħassar jekk ikun il-maltemp.
Dan l-avveniment se jsir f’osservanza stretta tar-regolamenti tas-Saħħa Pubblika dwar il-pandemija tal-Covid-19. Heritage Malta żżomm id-dritt li tirrifjuta l-aċċess lil persuni b’temperatura ogħla minn 37.2 grad Celsius jew li jħossuhom ma jifilħux. It-tfal għandhom ikunu sorveljati f’kull ħin.
Aktar tagħrif jinkiseb fuq in-numru tat-telefown 2295 4310.