Il-Ġeneral li ħa l-poter f’kolp ta’ stat fil-Myanmar fi Frar li għadda, ħatar lilu nnifsu Prim Ministru u estenda l-istat ta’ emerġenza fil-pajjiż, li jista’ jdum fis-seħħ s’Awwissu ta’ sentejn oħra.
F’diskors ta’ siegħa, Min Aung Hlaing wiegħed elezzjoni ħielsa u ġusta imma fl-istess ħin sejjaħ il-membri tal-partit elett li huwa neħħa bħala “terroristi”.
Mijiet ta’ persuni mietu fi protesti kontinwi kontra l-kolp militari.
Mindu l-militar ħa l-poter fi Frar, tħabbar stat ta’ emerġenza għal sena imma l-kampanja ta’ nies ċivili li ma jridux jobdu lill-militar kompliet, b’għexieren ta’ eluf ta’ ħaddiema tkeċċew jew jinsabu fuq strajk.
Minkejja dan, il-Ġeneral insista li s-sitwazzjoni f’pajjiżu hija stabbli.