F’seminar organizzat mill-GWU dwar ix-xogħol prekarju u l-faqar, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli, u l-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia, tkellmu dwar il-ħidma tal-gvern biex ikunu missielta kemm il-prekarjat kif ukoll il-miżuri li qed jittieħdu biex ikun indirizzat il-faqar.
Il-Ministru Helena Dalli qalet li kien bis-saħħa tal-GWU li fi żmien gvern preċedenti tqajmet kuxjenza sħiħa dwar l-eżistenza tal-prekarjat, fost l-oħrajn fis-settur pubbliku. Madanakollu, dak iż-żmien, il-gvern ma indirizzax il-problema.
Semmiet li l-gvern preżenti mal-ewwel imbarka fuq diversi miżuri u regolamenti biex jibda jindirizza din il-problema fis-settur pubbliku, fosthom iż-żieda fin-numru ta’ spetturi tax-xogħol, blacklisting ta’ kumpaniji li jinstabu ħatja li impjegaw bil-prekarjat, u pegging tas-salarju tal-ħaddiema tal-kuntrattur li jagħtu servizz lill-gvern.
B’dan il-mod dawn il-ħaddiema bdew jirċievu l-istess ħlas daqs il-ħaddiema sħabhom li jagħmlu l-istess xogħol mal-gvern. Iddaħħlu wkoll ċerti obbligi għal min jirbaħ tenders pubbliċi fosthom dik li l-ħaddiem jingħata payslip u li l-paga tidħol direttament fil-kont bankarju tal-impjegat. Dan sabiex ikun missielet l-abbuż li kien hemm.
“Nemmnu li l-gvern għandu jkun l-employer mudell u għaldaqstant se jissuktaw id-diskussjonijiet mal-imsieħba soċjali biex nindirizzaw il-prekarjat anke fis-settur privat. Dan anke fuq proposti li ressqet il-GWU,” qalet il-Ministru Da
Il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Socjali Michael Farrugia qal li l-gvern preżenti rrealizza bil-problema tal-prekarjat sa minn meta kien għadu fl-Oppożizzjoni, u kien għalhekk li ħadem fuqha sa mill-bidu nett tal-leġiżlatura.
Il-Ministru Farrugia qal li bħalissa qed isiru laqgħat bejn rappreżentanti mill-Ministeru flimkien ma’ oħrajn mill-Jobsplus sabiex tinstab soluzzjoni għal dawk li qed iħaddmu persuni fejn is-sigħat ta’ ġimgħa xogħol tagħhom jinqasmu fuq aktar minn kumpanija waħda.
Il-Ministru Farrugia spjega li b’dan il-mod il-bolla titħallas biss fuq l-aktar kumpanija b’ammont ta’ sigħat u li dan iwassal għal deterrent għall-impjegati. Dan għaliex meta dawn il-ħaddiema jaslu għall-pensjoni, din ma tirriflettix l-ammont ta’ sigħat li vera jkunu ħadmu tul ħajjithom.