Bħalissa għaddej ix-xogħol ta’ bini mill-ġdid ta’ bosta toroq fii-lokalità ta’ Ħaż-Żabbar, bħala parti mill-pjan nazzjonali tal-bini mill-ġdid ta’ seba’ mitt triq b’investiment ta’ seba’ mitt miljun ewro fuq medda ta’ seba’ snin.
Fost it-toroq li qed jinbnew mill-ġdid hemm Triq Bieb is-Sultan li se tara tnaqqis drastiku mit-traffiku li ta’ kuljum jgħaddi minn ġot-toroq dojoq fiċ-ċentru ta’ Ħaż-Żabbar.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastruttura Malta, l-Inġinier Fredrick Azzopardi spjega kif din it-triq tgħaddi mid-dawra ta’ barra ta’ Ħaż-Żabbar.
Huwa spjega: “Ser tkun qed tara li l-ammont kbir ta’ traffiku li llum qed jgħaddi miċ-ċentru ta’ Ħaż-Żabbar, mhux ser jibqa’ jgħaddi minn hemmhekk iżda ser jgħaddi mill-periferija. U allura huwa proġett importanti għaliex apparti li ser ikun qed iqassar it-traġitt, ser ikun qed inaqqas il-vetturi wkoll minn ġoċ-ċentru tar-raħal tagħna.”
ONE News tkellem ukoll mas-sindku ta’ Ħaż-Żabbar Jorge Grech li spjega kif bosta residenti kienu qed isofru ħsarat fil-faċċati tagħhom minħabba vetturi kbar li kienu jgħaddu min-nofs Ħaż-Żabbar.
Huwa fissrilna: “Il-ħtieġa ta’ din it-triq kienet li anke wara li kellna diversi inċidenti fi triq Santa Duminka, triq dejqa u propju kienu jgħaddu anke t-trakkijiet u kienu jolqtu diversi galleriji wkoll u eventwalment issa l-vetturi kbar u żgħar ser ikunu jistgħu jgħaddu minn din it-triq alternattiva li ser tkun qed tgħaqqad il-lokalità tax-Xgħajra mat-tarf l-ieħor tal-lokalità tagħna ta’ Ħaż-Żabbar.”
Il-Ministru Ian Borg spjega kif f’Ħaż-Żabbar bħalissa hemm konċentrazzjoni kbira ta’ xogħlijiet infrastrutturali li kienu ilhom mistennija mir-residenti Żabbarin.
Huwa sostna: “Il-lokalità ta’ Ħaż-Żabbar hija waħda minn dawk li qed tara ħafna toroq għaddejjin b’ħafna xogħlijiet li kienu ilhom jinħassu għal ħafna żmien, kważi għoxrin triq għaddejja. Iżda din hija triq partikolari illi litteralment ser twasslek mit-tarf ta’ Ħaż-Żabbar, kważi Bormla, sax-Xgħajra, jiġifieri tkun litteralment anke qbiżt l-istess lokalità nnifisha.”
Bħalissa għaddejjin ukoll xogħlijiet biex jinbnew mill-ġdid Triq il-Baħrija, Triq il-Madaffa, Triq id-Dliela u Triq iż-Żabrella fl-istess lokalità.