L-Aġenzija Żgħażagħ qassmet għotjiet li jlaħħqu s-sittin elf ewro għal sebgħa u tletin għaqda mhux governattiva taż-żgħażagħ, liema għaqdiet ikkwalifikaw għal żewġ skemi li ħarġet l-istess aġenzija.
L-iskemi msejħa ‘Assistance For You’ u ‘Be Active’ huma ntiżi li joffru appoġġ finanzjarju lill-għaqdiet sabiex dawn ikabbru l-attività tagħhom.
Fil-fatt, sebgħa u għoxrin għaqda gawdew mill-iskema ‘Assistance For You’ b’għotjiet ta’ elf u ħames mitt ewro lil kull għaqda filwaqt l-oħrajn gawdew mill-iskema l-oħra li allokat massimu ta’ elfejn ewro lil kull għaqda.
F’ċerimonja fejn ġew mogħtija l-fondi, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Żgħażagħ, Miriam Theuma saħqet li l-appoġġ lejn l-għaqdiet taż-żgħażagħ hija prijorità għal Aġenzija u ser tkompli dak li ilha tagħmel f’dawn l-aħħar għaxar snin, mhux biss permezz ta’ dawn l-iskemi iżda inizjattivi oħrajn li għad iridu jkunu mħabbra.
Ir-rappreżentanti tal-għaqdiet laqgħu dawn il-fondi u semmew kif intużaw f’attivitajiet u proġetti differenti.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-għaqdiet volontarji, Clifton Grima nnota kif din l-għajununa finanzjarja qed tintuża biex tkompli ttejjeb il-ħidma tal-istess għaqdiet.
Huwa qal, “Permezz ta’ dawn l-iskemi l-Aġenzija Żgħażagħ qed tagħmel id-differenza fil-ħajja taż-żgħażagħ tagħna. Infatti qegħdin naraw kif bil-fatti għandek sebgħa u tletin għaqda li bbenefikaw minn dawn il-fondi. Fondi li ntużaw b’mod dirett fuq iż-żgħażagħ u allura qegħdin nikkomfermaw kemm iż-żgħażagħ mhumiex biss il-futur ta’ dan il-pajjiż iżda fuq kollox huma parti integrali ukoll mill-preżent ta’ pajjiżna.”
Min-naħa tagħha il-Ministru għall-Kwalità tal-Ħajja, Julia Farrugia Portelli qalet kif dawn il-fondi ntużaw għal proġetti li nħassu fis-soċjetà.
Hija stqarret: “Din kienet opportunità fejn kollox sebgħa u tletin għaqda differenti taż-żgħażagħ ippreżentaw ideat, ħolmu, ħolqu proġetti li permezz tagħhom ser iħallu marka sabiħa ħafna fil-komunità.”
Fost l-għaqdiet li gawdew minn dawn l-għotjiet kien hemm Assoċjazzjonijiet tal-Iscouts, iż-Żgħażagħ Salesjani u l-Assoċjazzjoni tad-Down Syndrome.