Żewġt ifliexken tal-ilma tal-plastik mimlija siringi użati tħallew fuq l-għatba tal-berġa f’Birżebbuġa.
Dan it-tip ta’ skart mediċinali, li huwa meqjus perikoluż, qatt m’għandu jintrema b’dan il-mod iżda jeżistu kontenituri apposta li għandhom protezzjoni biex ħadd ma jitniggeż minn labar użati; u li jintremew f’numru ta’ siti apposta madwar Malta u Għawdex.
Il-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa kkundanna dan l-aġir irresponsabbli li seta’ kellu konsegwenzi mhux mixtieqa, hekk kif dawn tħallew f’żona frekwentata.
Intant, il-Pulizija fil-Komunità ta’ Biżebbuġa u Marsaxlokk għamlu kuntatt mad-Dipartiment tal-Indafa u l-Manutenzjoni sabiex jitneħħew u jintremew fiż-żona tar-rimi apposta.
Il-Kunsill Lokali javża wkoll biex jekk hawn xi ħadd li għandu informazzjoni b’rabta ma’ dak il-każ jirrapporta lill-Pulizija.