Il-Gvern ħabbar edizzjoni oħra tal-Premju tal-Ħaddiem tas-Sena, li s-serata finali tagħha se ssir f’Diċembru li ġej.
Dan tħabbar mill-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela, li qal kif b’kollox se jkun hemm disa’ kategoriji miftuħa għan-nominazzjonijiet.
Dawn jinkludu l-ħaddiem tas-sena, it-tim tas-sena flimkien mal-iżjed kumpaniji sostennibli, fost oħrajn.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet ġewwa fabbrika fiż-Żona Industrijali tal-Marsa, il-Ministru Carmelo Abela qal kif din l-okkażjoni se tirrikonoxxi l-ħidma li jagħmlu l-ħaddiema Maltin.
Qal, “Allura l-appell tiegħi huwa li dawk li jixtiequ jinnominaw lil xi ħadd grupp, lil xi għaqda jew lil xi ażjenda partikolari tajjeb li jagħmlu dan, ħalli aħna mhux biss ikun hemm ir-rikonoxximent imma wkoll tkun ċelebrazzjoni. Ċelebrazzjoni ta’ dak li bħala poplu flimkien ksibna matul dawn iż-żminijiet ta’ sfida, ħalli b’hekk inkomplu mhux biss inkomplu nsaħħu r-risolv tagħna li nżidu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, li nkunu aktar produttivi, ħalli l-ekonomija tkompli tikber imma fl-istess ħin ngħidu grazzi lil dawk li b’xi mod jew ieħor iridu jikkontribwixxu għas-suċċess ta’ pajjiżna.”