In-nefqa soċjali tal-Gvern matul l-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena kienet ta’ €27.4 miljun aktar mill-ewwel sitt xhur tas-sena l-oħra.
Statistika maħruġa mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika, l-NSO, turi li din iż-żieda ġiet l-aktar miż-żieda oħra li ta l-Gvern din is-sena fil-pensjonijiet.
In-nefqa soċjali bejn Jannar u Ġunju li għadda laħqet il-€582.8 miljun.
Din fissret żieda ta’ 4.9% fuq l-istess perjodu tas-sena l-oħra.
In-nefqa fil-benefiċċji kontributorji; bħall-pensjonijiet, kienet ta’ €21.7 miljun aktar.
Minn din iż-żieda, €20.9 miljun, jiġifieri kważi iż-żieda kollha fil-benefiċċji kontributorji, ġiet fin-nefqa fil-pensjonijiet.
L-NSO qal li fl-ewwel nofs din is-sena, in-nefqa fil-benefiċċji kontributorji laħqet l-€478.8 miljun.
Kien hemm żieda oħra fost oħrajn fil-bonus kontributorju li jagħti l-Gvern lill-ħaddiema.
Hawnhekk in-nefqa żdiedet bi €3 miljun.
Meta niġu għal benefiċċji mhux kontributorji; bħaċ-children’s allowance, in-nefqa żdiedet b’5.8% u laħqet l-€103.9 miljun.
Sa tmiem nofs is-sena, kien hemm żieda notevoli fiċ-children’s allowance, fl-għotja tad-diżabilità u anki fl-in-work benefit.
Fil-fatt iż-żieda kienet ta’ €1.6 miljun kemm għaċ-children’s allowance u kemm għall-għotja tad-diżabilità u €900,000 iktar mis-sena ta’ qabel, għall-in-work benefit.
Fl-ewwel nofs din is-sena, l-aktar nies li gawdew mill-benefiċċji kontributorji kienu l-pensjonanti, kważi 54,000 persuna b’kollox.
Min-naħa l-oħra l-aktar nies li gawdew mill-benefiċċji mhux kontributorji kienu l-familji bit-tfal minħabba ċ-children’s allowance.
Hawnhekk gawdew qrib it-43,000 familja.
Intant fi tweet il-Prim Ministru Robert Abela spjega kif tul il-pandemija l-Gvern Malti għen lil min hu fil-bżonn.
Qal kif kien għalhekk li kien hemm tnaqqis ta’ 550 persuna dipendenti fuq l-għajnuna soċjali fl-ewwel nofs ta’ din is-sena meta mqabbel mal-livelli ta’ qabel il-pandemija.
Il-Prim Ministru qal kif meta mqabbel mas-sena 2019, il-Gvern alloka 10% aktar f’fondi għaċ-Children’s allowance, 25% għall-pensjoni tar-romol u 33% għall-pensjonijiet minimi.