Il-Gvern nieda dokument dwar il-programm tal-Fond Ewropew Soċjali Plus għal konsultazzjoni pubblika
Programm li fi ħdanu jinkludi fondi Ewropej li jammontaw għal mija tlieta u disgħin miljun ewro bil-għan li jiġu investiti fil-ħiliet u inizjattivi favur il-Maltin u l-Għawdxin.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet ġewwa Dar il-Mediterran fil-Belt hekk kif ġie ntrodott id-dokument ta’ kif huwa pjanat li jintefqu dawn il-fondi sal-2027.
Fil-fatt fi ħdanu dan id-dokument jinkludi erba’ prijoritajiet.
Dawn huma li jissaħħu l-opportunitajiet tax-xogħol u r-reżiljenza tas-suq tax-xogħol b’allokazzjoni ta’ sebgħa u ħamsin miljun ewro, it-trawwim ta’ inklużjoni attiva għal kulħadd b’allokazzjoni ta’ tlieta u ħamsin milun ewro, edukazzjoni ta’ kwalità u inklussiva, u tisħiħ fit-tagħlim tul il-ħajja b’investiment ta’ sebgħa u sebgħin miljun ewro u l-aħħar prijorità hija li tiġi indirizzata r-realtà ta’ persuni mċaħħda minn affarijiet materjali. Dan b’allokazzjoni ta’ ħames miljun ewro.
Apparti minn hekk se jkun hemm allokazzjoni wkoll ta’ miljun ewro għat-tisħiħ tal-operat tal-imsieħba soċjali. Dan bl-għan li jkompli jissaħħaħ id-djalogu soċjali fit-tfassil tal-politika nazzjonali.
Dwar dan ONE News tkellem mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi.
Qal, “Kollha jorbtu biex ngħidu hekk mal-aspett ta’ taħriġ kif ukoll l-aspett soċjali. Qed naraw inizjattivi biex inkomplu nħarrġu aktar nies, naraw li niġġieldu n-nuqqas ta’ impjiegi li jkun hemm fost iż-żgħażagħ, li ninvestu aktar fiż-żgħażagħ, li ninvestu aktar fl-edukazzjoni fil-fatt qed inħabbru li nestendu l-one tablet per child fl-iskejjel sekondarji.”
Huwa spjega wkoll kif li l-pubbliku jista’ jikkontribwixxi f’din il-konsultazzjoni sal-aħħar t’Awwissu fuq is-sit tas-Segretarjat għall-Fondi Ewropej.