Leone Agius ta’ erbgħa u tletin sena minn San Ġiljan inħeles mill-arrest wara ammetta li seraq karozza mill-Mosta.
Hu ġie mixli wkoll li laqa’ għandu ħwejjeġ misruqa u li għamel benefiċċju minnha.
Fil-Qorti l-Prosekuzzjoni spjegat li sar rapport li nsterqet karozza u minn investigazzjoni ħareġ li permezz ta’ tow truck li mbagħad ħareġ li kien tal-imputat, ġiet irmunkata l-karozza.
Meta ġie mitkellem mill-pulizija, l-akkużat qal li l-karozza kienet mingħajr pjanċi, qabad u ħadha għall-iscrap.
L-Avukat tad-Difiża, Franco Debono talab għall-ħelsien mill-arrest filwaqt li talab lill-Qorti biex jitqabbad uffiċjal tal-probation li jkun jista’ jħejji rapport qabel tingħata s-sentenza.
Il-Prosekuzzjoni ma kellhiex oġġezzjoni għat-talba għall-ħelsien iżda sostniet li l-kundizzjonijiet li fuqhom jinħeles l-imputat għandhom ikunu stretti.
Għaldaqstant, il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit laqgħet it-talba fuq garanzija personali ta’ ħmistax-il elf ewro u ordnat lill-akkużat biex jiffirma kuljum fl-għassa.