B’ħarsa lejn il-proċess fl-elfejn u tlettax li fih intagħżel il-Ġappun bħala l-pajjiż ospitanti għal-Logħob Olimpiku, il-Ġimgħa waranofsinhar ingħata bidu għall-Olimpjadi.
Dan l-avveniment li suppost sar is-sena l-oħra, ġie pospost għal din is-sena minħabba l-pandemija u sal-aħħar minuta kien hemm dubji kbar jekk hux se jsir minħabba żieda qawwija fl-infezzjonijiet.
Fil-fatt, sħtarriġ tal-opinjoni pubblika wera li residenti Ġappuniżi kienu kontra d-deċiżjoni li jittella’ dan l-avveniment mondjali tal-isport minħabba li l-kapitali Ġappuniża għadha taħt stat ta’ emerġenza kawża tal-pandemija.
Minkejja dan, għall-ħabta tas-siegħa ta’ waranofsinhar ħin Malti, bdiet iċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Olimpjadi, li damet għaddejja madwar tliet sigħat.
Din iċ-ċerimonja kienet iddominata minn spettaklu kbir u kkulurit fejn dehru bosta artisti jifformaw żerriegħa li mbagħad fjorixxiet fi pjanta.
Dan l-ispettaklu ttella’ jum wara li tkeċċa d-direttur inkarigat mill-istess spettaklu, wara li ħarġu fil-pubbliku filmati tiegħu meħuda fid-disingħijiet jiddieħak bl-Olokawst.
Wara din il-wirja meraviljuża bdiet il-parata tal-atleti. L-ewwel nies li ħarġu quddiem għajnejn id-dinja f’dan l-ispettaklu kienu l-Griegi u warajhom it-tim Olimpiku tar-refuġjati.
Imbagħad ħarġu delegazzjonijiet mill-pajjiżi kollha tad-dinja skont l-alfabett Ġapunniż, b’kostumi kkuluriti li jirrapreżentaw il-bnadar tal-pajjiżi rispettivi. Fost dawn kien hemm id-delegazzjoni Maltija.
Tim Malta jikkonsisti minn sitt atleti; Matthew Abela, Eleanor Bezzina, Andrew Chetcuti, Sasha Gatt, Carla Scicluna u Yazmin Zammit Stevens, li se jikkompetu f’diversi dixxiplini sportivi, fosthom tal-isparar u l-badminton.
Kmieni filgħodu fuq il-midja soċjali, il-Prim Ministru Robert Abela awgura lit-tim Malti.
Fil-grawnd nazzjonali Ġappuniż irnexxielhom jidħlu biss madwar elf dinjitarju u membri tal-midja, u attendew ħmistax-il kap ta’ stat flimkien mal-Imperatur Ġappuniż u mart il-President Amerikan, Dr Jill Biden.
Fi tmiem iċ-ċerimonja, ngħata n-nar lill-kaldarun mill-istilla Ġappuniża tat-tennis Naomi Osaka wara li telgħet it-taraġ li rrapreżenta lil Mount Fiji.