Il-Gvern, permezz tal-Ministeru għall-Inklużjoni ffirma ftehim ta’ aktar minn żewġ miljun ewro mal-Fondazzjoni Nazareth, li se jissarraf f’għajnuna diretta lil madwar tletin persuna b’diżabilità biex ikunu jistgħu jgħixu fi tlett idjar fiż-Żejtun.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport spjegat li f’dawn id-djar, il-persuni b’diżabilità jitgħallmu jaqraw, jiktbu u jaħdmu.
Qalet, “Li qed nagħtu post ta’ residenza lil 30 persuna oħra b’diżabilità. L-Aġenzija Sapport trid tkompli ssegwi lill-persuni b’diżabilità, meta jkunu anke fid-djar non-governattivi.”
Il-Ministru għall-Inklużjoni Julia Farrugia Portelli qalet kif dan il-ftehim huwa konferma ta’ kemm il-Gvern qed isaħħaħ il-fiduċja tiegħu fl-għaqdiet mhux governattivi.
Spjegat, “B’kollox minn Mejju s’issa kellna €15-il miljun fi ftehimiet li se jkunu qed iwassluna għat-tliet snin li ġejjin biex noffru verament l-aħjar dinjità lill-persuni b’diżabiltà, biex jibqgħu jgħixu f’kunċett ta’ soċjetà u inklużjoni, flimkien man-nies tal-lokal.”
Il-President ta’ Fondazzjoni Nazareth, il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca qalet kif din l-għajnuna mill-Gvern twassal biex persuni b’diżabilità jgħixu ħajja dinjituża.