L-ekonomija ta’ pajjiżna qed tkompli tirkupra mil-livelli baxxi tas-sena li għaddiet.
Dan ġie rrimarkat fl-aġġornament ekonomiku tal-Bank Ċentrali ta’ Malta għax-xahar ta’ Lulju hekk kif baqa’ jiġi nnutat tkabbir fl-attività ekonomika.
L-aġġornament tal-Bank Ċentrali jgħid ukoll kif is-sentiment dwar l-ekonomija ta’ pajjiżna baqa’ pożittiv minkejja tnaqqis marġinali. Fil-fatt dan baqa’ ferm ogħla mill-medja storika u pożittiv fil-maġġoranza assoluta tas-setturi.
F’Mejju, in-numru ta’ persuni fuq ir-reġistru tal-qgħad naqas meta mqabbel ma’ April u ma’ sena qabel. Ir-rata tal-qgħad baqgħet l-istess bħal ta’ April, jiġifieri 3.7%, u ferm taħt il-medja storika tagħha.
Intant, l-aġġornament ekonomiku nnota wkoll l-użu tal-moratorju f’pajjiżna.
Il-Bank Ċentrali jgħid kif minkejja l-pandemija, il-valur tas-self lil persuni u kumpaniji li kienu soġġetti għal moratorju sal-aħħar ta’ Mejju kompla jonqos.
Dwar dan il-Bank Ċentrali rrimarka kif jista’ jfisser li hemm irkupru fid-dħul u b’hekk aktar likwidità jew l-iskadenza tal-perjodu tal-moratorji.