L-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) nediet is-sitt edizzjoni ta’ Premju Servizz bi Tbissima dalgħodu f’Raħal Ġdid.
Waqt it-tnedija ta’ dan il-premju, is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika Deo Debattista qal kif inizjattivi bħal dawn ipoġġu lill-konsumatur fiċ-ċentru tal-operat tagħhom.
Iċ-Chairperson tal-MCCAA Helga Pizzuto qalet li Premju Servizz bi Tbissima jsaħħaħ ir-relazzjoni bejn il-bejjiegħ u l-konsumatur. L-importanza ta’ din ir-relazzjoni ħarġet iktar fil-beraħ waqt iż-żminijiet diffiċli tal-pandemija hekk kif il-konsumaturi kellhom jirrikorru għall-bejjiegħa għall-proviżjoni ta’ prodotti u servizzi essenzjali.
Il-kompetizzjoni Premju Servizz bi Tbissima tagħti ċ-ċans lill-konsumaturi li japprezzaw u jirringrazzjaw lill-bejjiegħa li jagħmlu l-almu tagħhom sabiex joffru servizz tajjeb. Il-konsumaturi lokali jistgħu jivvutaw lill-bejjiegħa li jaqgħu taħt waħda mill-erba’ kategoriji li hemm f’din il-kompetizzjoni: moda u sbuħija, supermarkets u mini-markets, prodotti elettroniċi u oġġetti tad-djar, u bejjiegħa lokali online. Din il-kompetizzjoni tagħti ċans lill-konsumaturi li jivvutaw għal aktar minn bejjiegħ wieħed fl-istess kategorija, iżda jistgħu biss jivvutaw darba għall-istess bejjiegħ.
Il-konsumaturi jistgħu jivvutaw f’din il-kompetizzjoni mis-sit servizzbitbissima.mccaa.org.mt.
Din is-sena, il-kompetizzjoni se tibda nhar it-23 ta’ Lulju 2021 u tibqa’ sejra sal-20 ta’ Awwissu 2021. Il-konsumaturi li jipparteċipaw f’din il-kompetizzjoni jkunu qed jidħlu fiċ-ċans li jirbħu wieħed mill-erba’ premjijiet ta’ €100 kull ġimgħa.
Ir-rebbieħa ta’ dawn l-erba’ kategoriji se jitħabbru waqt iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premju u se jingħataw trofew u ċertifikat.
Ir-rebbieħa se jingħataw ukoll iċ-ċans li jużaw il-logo ta’ Servizz bi Tbissima ġewwa l-ħwienet tagħhom u fuq materjal promozzjonali li jippublikaw.