L-Italja ħabbret li mis-sitta t’Awwissu, se tkun mandatorja li tippreżenta ċ-ċertifikat tal-vaċċin biex tidħol f’ċertu postijiet fil-pajjiż.
Dan se jfisser li kull min għandu iktar minn tnax-il sena li jkun irċieva minn tal-inqas doża waħda tal-vaċċin, se jkun jista’ jidħol f’diversi postijiet bħal ristoranti fuq ġewwa, ċinema u gyms.
Iċ-ċertifikat tal-vaċċin mhux se jkun mandatorju għat-trasport pubbliku, wara li kien hemm nuqqas ta’ qbil fi ħdan il-Gvern ta’ koalizzjoni.
L-infezzjonijiet tal-Coronavirus qed jiżdiedu fl-Italja, primarjament minħabba l-varjant Delta.
F’ġimgħa waħda biss, in-numri fil-pajjiż ġar tagħna rdoppjaw, b’aktar minn ħamest elef każ irrappurtat il-Ħamis.
Madwar nofs il-popolazzjoni Taljana hija mlaqqma kompletament.
L-Italja hija l-aħħar minn sensiela ta’ pajjiżi oħra fl-Ewropea li qed jagħmlu dan il-pass favur il-kontroll tat-tixrid tal-COVID-19.