Ludovick Casha, missier ta’ sebgħa u għoxrin sena tilef ħajtu ilbieraħ wara nofsinhar, waqt li kien qed jippratika d-delizzju li tant kien għal qalbu ..dak tal-għadis.
Qabad kull tip ta’ ħut ta’ preġju bħal Aċċol, Dnieċi, Ċeren, Griebel, Ċipulazz u kull tip ta’ ħut ieħor li jeżisti fil-baħar Mediterran.
Kienu numru kbir t’għaddasa li fuq Facebook esprimew id-dispjaċir tagħhom hekk kif tilfu ħabib ta’ veru, li mhux biss kien idolu taħt il-baħar iżda anke fil-ħajja tiegħu ta’ kuljum.
Ma kienx jiddejaq jagħti pariri anke lil kompetitturi diretti tiegħu u ta’ dan Ludovick se jibqa mfakkar bħala ambaxxatur li dejjem kien jippromwovi dan l-isport f’Malta filwaqt li żamm l-umiltá tiegħu.
Ludovick kien ikkunsidrat bħala wieħed mill-aqwa għaddasa fil-kategorija Apnea, fejn l-għaddasa jinżlu fil-qiegħ tal-baħar mingħajr ebda għajnuna respiratorja.
Il-kapaċita ta’ dan iż-żagħżugħ waslitu biex anke jirrappreżenta lil Malta fuq livell internazzjonali .
Fl-2015 kien l-unika għaddas professjonali Malti li ntgħażel mill-ikbar kumpanija tal-għadis biex jirrapreżentahom.
Ludovick ħallina, iżda il-memorji tiegħu se jibqgħu f’qalb il-familjari tiegħu, u dawk l-għaddassa li tant qatta żminijiet sbieħ magħhom taħt il-baħar.
Xhieda ta’ dan huma l-messaġġi li ħallew sħabu fuq Facebook.