Il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, inawguraw lukanda ta’ erba’ stilel f’San Pawl il-Baħar.
Din il-lukanda li oriġinarjament ibniet fl-1976 u reġgħet twaqqgħet u nbniet oħra flokha, saret b’investiment ta’ €24 miljun.
Kważi nofs seklu ilu, il-lukanda Sea View kienet ta’ tliet stilel u kellha inqas minn ħamsin kamra, illum għandha mija u tmenin kamra u tħaddem ħamsin persuna.
Hija reġgħet fetħet għall-klijenti mill-bidu ta’ dan ix-xahar.
Fiż-żjara li għamel, il-Prim Ministru Robert Abela ddawwar mal-lukanda li għandha faċilitajiet mill-aqwa għas-servizz tal-klijenti, fosthom infinity pool, tliet ristoranti, gym u parkeġġ.
Il-Prim Ministru Robert Abela kellu l-opportunità jisma’ kif din il-lukanda għaddiet minn trasformazzjoni sħiħa tul dawn l-aħħar snin li ilha miftuħa.
Waqt iż-żjara, il-Prim Ministru ltaqa’ wkoll ma’ għadd ta’ ħaddiema minn dipartimenti diversi u rringrazzjahom tal-ħidma li jwettqu ta’ kuljum b’dedikazzjoni, bil-għan li joffru l-aqwa esperjenza possibbli lit-turisti li jagħżlu lil pajjiżna.
Id-Direttriċi tal-lukanda Josette Vella qalet li l-futur huwa wieħed mill-isbaħ u qiegħda tħares b’ottimiżmu għall-ġejjieni.
Hija qalet, “Pajjiżna qiegħed wieħed mill-aqwa tal-Ewropa fid-dipartiment tas-saħħa u grazzi għal dan għaliex sal-bidu ta’ din is-sena konna għadna m’aħniex ċerti hux se niftħu jew le imma l-fatt li tant qegħdin fuq quddiem fit-tilqim, it-turisti qed jiġu hawn u kuntentissimi. Anki l-fatt li jridu jkunu mlaqqma jafu li ġejjin f’pajjiż fejn hawn in-nies li huma mlaqqma allura huwa pajjiż iktar sigur minn pajjiżi oħra.”