F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Ġustizzja, Edward Zammit Lewis, ħabbar id-depenalizzazzjoni ta’ ċertu każijiet ta’ ksur ta’ liġi.
Dan huwa proċess fejn offiżi ta’ natura żgħira; bħal per eżempju ġlied bejn il-ġirien, ma jibqgħux jitqiesu bħala reat kriminali quddiem il-Qorti tal-Ġudikatura Kriminali, imma jinstemgħu quddiem il-Kummissarji tal-Ġustizzja.
Preżentament, il-Kummissarji tal-Ġustizzja jisimgħu każijiet marbuta ma’ ksur ta’ liġi, ħafna drabi relatati ma’ okkażjonijiet stradali, ksur ta’ liġi ambjentali jew dawk marbuta mal-liġijiet tal-pandemija.
L-iskop aħħari tad-depenalizzazzjoni ta’ ċertu każijiet huwa biex tissaħħaħ l-effiċjenza tal-Qrati u l-Maġistrati jkunu jistgħu jiffukaw fuq każijiet ta’ natura aktar serja.
Il-Kummissarju tal-Ġustizzja u Imħallef Emeritu, Antonio Mizzi, qal li dan qed isir peress li ż-żmien twil meta l-Qrati ma kinux qed jaħdmu minħabba l-pandemija fl-aħħar sena u nofs, wassal għal dewmien f’ħafna każijiet.
Qal, “Ix-xogħol kiber b’manjiera fenomenali u Maġistrati sfortunatament m’hemmx numru daqstant kbir u allura ridna naraw kif ngħinuhom, apparti li l-Maġistrati llum għandhom xogħol ħafna itwal u ħafna iżjed importanti minħabba r-reati kriminali, money laundering apparti r-reati kollha l-oħra bħal omiċidji, ġlied, droga – dawn kollha affarijiet li għandhom l-importanza tagħhom u allura din hija l-idea, li nħaffulhom xogħolhom. ”
Il-Ministru Edward Zammit Lewis spjega li dan qed isir id f’id mal-viżjoni tal-Gvern biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ effiċjenza f’ċertu setturi tal-Qrati.
Spjega, “Il-viżjoni tal-Gvern hija Qorti iktar effiċjenti. Qorti fejn iċ-ċittadin jinqeda aħjar u focus aħjar tal-Maġistrati tagħna li jagħmlu xogħol iktar importanti biex issir ġustizzja f’pajjiżna.”
Dan huwa biss l-ewwel pass, hekk kif għaddejjin aktar studji tal-liġijiet kollha Maltin biex jiġu identifikati kontravenzjonijiet oħra żgħar li jistgħu jiġu depenalizzati.