Bejn April u Ġunju li għadda n-numru ta’ vetturi elettriċi żdiedu bi 28.2%.
Dan meta imqabbel mal-perjodu bejn Jannar u Marzu.
Statistika maħruġa mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika, l-NSO turi li fit-tieni kwart ta’ din is-sena kien hawn 8,367 vettura elettrika jew hybrid.
Fil-perjodu msemmi kien hawn ftit iżjed minn 3,900 vettura iżjed mill-istess perjodu tas-sena l-oħra.
Fil-fatt sal-aħħar tax-xahar li għadda kien hawn 408,205 vettura liċenzjati fit-toroq ta’ pajjiżna.
Aktar minn tliet kwarti tal-vetturi kienu tal-passiġġieri filwaqt li kważi 14% kienu vetturi kummerċjali.
Kien hemm kważi 9% li kienu fost oħrajn muturi.
Jirriżulta li fit-tieni kwart ta’ din is-sena żdiedu 43 vettura kuljum u 65 vettura ġew liċenzjati kuljum.
5,887 vettura ġdida daħlu fit-toroq Maltin bejn April u Ġunju li għadda filwaqt li 7,824 vettura tneħħew mit-toroq.
36.7% minn dawn il-vetturi li tneħħew mit-toroq ġew skrappjati.
Il-biċċa l-kbira tal-vetturi f’pajjiżna jaħdmu bil-petrol.
Fil-fatt kważi 60% tal-vetturi jaħdmu b’dan it-tip ta’ fjuwil.
Dan filwaqt li ftit inqas minn 40% tal-vetturi jaħdmu bid-diesel.