Il-każ ta’ allegat ħasil ta’ flus li jinvolvi investigazzjoni internazzjonali u li fih tfaċċa isem Beppe Fenech Adami spiċċa fil-faċċata ta’ gazzetti fil-Greċja.
Bit-titlu tal-gazzetta Dimokratia jgħid “Skandlu f’Malta b’ħasil ta’ miljuni li għaddew mill-Greċja.”
Il-gazzetta Griega tinnota kif il-Bank Grieg għandu ma ‘investigax it-tranżazzjonijiet suspettużi bejn ‘stockbrokers’ fil-Greċja u politiċi f’Malta.
Peró tirrapporta li għaddejja investigazzjoni minn entitajiet internazzjonali u l-midja Griega tgħid li għad mhemmx idea ċara ta’ kemm kien il-kapital f’miljuni ta’ ewro li mexa f’dan il-każ.
Saħansitra l-gazzetta Griega tirrapporta li dan hu każ li jaf ikun estiż sa livell ta’ Unjoni Ewropea, meta Malta jkollha l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea.
Il-gazzetta imbagħad tispjega dak li sar magħruf permezz ta’ investigazzjoni minn ġurnalist barrani fl-aħħar ġimgħat.
Permezz ta’ Baltimore Fiduciary, Capital One kienet qed tgħaddi l-miljuni fil-Bank Of Valletta minn f’kumpaniji Ciprijotti ta’ azzjonijisti Olandiżi. Fosthom Robert Soogea li kien investigat fuq traffikar ta’ droga.
“Kif jiġri f’dawn il-każi, il-kumpaniji kienu jew magħluqa immedjatament taħt xi pjan jew bl-għagġla minħabba l-investigazzjoni li bdew l-awtoritajiet Olandiżi,” kompla jkun irrapportat.
Jingħad li dan hu każ li għandu joħloq terremot f’Malta għax fih jissemma l-kunjom Fenech Adami. Familja politika antika f’Malta. Fil-fatt Beppe Fenech Adami kien direttur ta’ Baltimore u huwa Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Minn naħa l-oħra l-gazzetta Griega tinsisti li l-każ għandu jkun innotat mill-Bank tal-Greċja.
Anke għaliex qed jiġbed l-attenzjoni ta’ midja internazzjonali u huwa investigat mill-Europol. Intqal li dan il-każ seħħ ukoll meta n-nies komuni kienu qed jitilfu flushom minn Borża Griega.