Stħarriġ tal-Ewrobarometru li sar f’April wera żieda fil-fiduċja tal-Maltin fl-indipendenza tal-qrati tal-ġustizzja.
Fil-fatt, meta mistoqsija biex jiddeskrivu l-indipendenza tal-qrati f’Malta, 69% tal-Maltin qalu li hija tajba ħafna, filwaqt li 27% qalu li hija ħażina.
Dawn iċ-ċifri jfissru li l-Maltin li żiedu l-fiduċja fil-Qrati żdiedu bi 17% fuq is-sena li għaddiet.
KIF TIDDESKRIVU L-INDIPENDENZA TAL-QRATI U L-ĠUDIKANTI?
2017 2020 2021
TAJBA 56% 52% 69%
ĦAŻINA 25% 31% 27%
MA JAFUX 19% 17% 4%
Stħarriġ ieħor, din id-darba fost kumpaniji Maltin, ukoll sab li kważi sebgħin fil-mija tas-sidien tan-negozji jemmnu li s-sistema ġudizzjarja ta’ pajjiżna hija waħda tajba.
Iż-żieda fil-fiduċja fil-Qrati Maltin seħħet fi snin li kienu ddominati minn diversi każijiet li nkludew politiċi.
Mill-istati membri kollha, Malta kienet il-pajjiż bl-ikbar żieda fis-sentiment pożittiv fejn tidħol l-indipendenza tal-Qrati Maltin, segwita mir-Rumanija u l-Latvja.
L-aqwa ratings għas-sistemi ġudizzjarji fl-Ewropa kisbuhom l-Awstrija, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Lussemburgu u l-Olanda, filwaqt li ċ-ċittadini bl-inqas fiduċja fis-sistema ġudizzjarja f’pajjiżhom huma dawk fil-Kroazja, fl-Islovakkja, fil-Polonja, fil-Bulgarija u fl-Italja, b’dan tal-aħħar igawdi biss minn ftit aktar min-nofs tal-fiduċja tal-poplu tiegħu.