SportMalta qassmet mal-€5 miljun lil għaxar assoċjazzjonijiet sportivi mill-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali, sabiex dawn l-assoċjazzjonijiet jibdew iħarrġu lill-atleti Maltin għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li se jsiru f’pajjiżna fl-2023.
Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet, Alex Muscat sostna li dan l-investiment huwa riżultat tal-ġid li qed jinħoloq mill-programmi Maltin li jattiraw investimenti permezz taċ-ċittadinanza.
Tenna li investimenti fil-komunità Maltija bħal dawn huma r-raġunijiet prinċipali wara dawn il-programmi.
Is-Segretarju Parlamentari Muscat irrimarka, “Dawn il-ħames miljuni fl-atleti tagħna, ħames miljuni li huma investiment bla preċident. Qatt ma sar dan it-tip ta’ investiment dirett fit-talent u l-isportivi tagħna. Għalhekk aħna naħdmu biex inġibu l-investiment internazzjonali, biex ninvestuh lura fil-komunitajiet tagħna.”
Waqt l-iffirmar ta’ dan il-ftehim, is- Segretarju Parlamentari Clifton Grima, sostna li dan m’huwiex investiment iżolat għall-atleti Maltin, hekk kif il-Gvern diġa investa f’diversi faċilitajiet sportivi madwar il-pajjiż.
Huwa qal li jekk xi darba kien hemm dubju dwar jekk il-Gvern għandux l-isport għal qalbu, dan l-investiment iservi ta’ prova ċara ta’ dan.
Is-Segretarju Parlamentari Grima stqarr, “Bil-fatti qiegħdin nuru kemm l-isport huwa importanti u kemm nemnu fl-atleti tagħna u permezz ta’ dan l-investiment se nkunu qed inħarsu lejn propju ambizzjonijiet u miri ġodda li jħarsu lejn numru rekord ta’ midalji li permezz tagħhom pajjiżna jkompli jogħla ‘l fuq f’dak li għandu x’jaqsam bħala livell u profil internazzjonali.”
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta, Mark Cutajar sostna li dan l-investiment se jqawwi l-qlub tal-atleti Maltin kollha, b’mod speċjali lil dawk li se jikkompetu għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar.
Cutajar qal, “Din is-somma rekord ta’ ħames miljun ewro timlina b’enerġija kbira pero tgħabbina wkoll b’responsabilitajiet għax il-mira tagħna hija li niksru r-rekord tal-medjalji fil-logħba tal-pajjiżi zgħar fl-elfejn u tlieta u għoxrin.”