Il-paga tal-eks Kap Eżekuttiv ta’ Lovin Malta, Chris Peregin qed tqajjem l-irwiefen fil-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech.
Il-gazzetta ILLUM tal-Ħadd irrappurtat kif il-paga ta’ Peregin hija waħda sigrieta u l-Partit Nazzjonalista ma ċaħadx li Peregin se jirċievi mal-€65,000.
Diversi attivisti u partitarji, speċjalment dawk tal-fazzjoni tal-eks kap Adrian Delia qegħdin jistaqsu minn fejn ġejjin dawn il-flus.
Dan fl-isfond tal-qagħda finanzjarja mwergħa li għadu jinsab fiha l-partit u issa ġie ingaġġjat Peregin biex imexxi l-kampanja tal-Kap bħal ma kienet ġiet ingaġġjata Caroline Muscat tat-Times fi żmien Simon Busuttil.
Ta’ Delia qed isaqsu bosta mistoqsijiet dwar minn fejn ġejjin il-flus.
Fost dawn hemm il-Kunsillier Nazzjonalista fir-Rabat, Alan Said li qal “€65,000? Minn fejn se jiġu l-flus?”
F’din l-ewwel ġimgħa li tħabbar li Peregin se jimxi mil-Lovin Malta għall-Partit Nazzjonalista mhijiex l-ewwel kwistjoni li qamet.
Dan hekk kif il-ġimgħa l-oħra, ONE News żvela kif il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech kien kostrett jiltaqa’ mal-ħaddiema tal-partit f’laqgħa urġenti wara li qam rebus mal-aħbar li dak li jrid jagħlaq il-midja Nazzjonalista, se jkun qed imexxi l-kampanja tal-partit.
Fl-aħħar sigħat ukoll, meta ħarġet iċ-ċifra tal-paga li se jkun qed idaħħal Peregin, l-istess Peregin beda jħeġġeġ lin-nies jagħtu d-donazzjonijiet tagħhom lill-Partit Nazzjonalista.